Ir-Raġel Irrapportat Nieqes Ilbieraħ Miet Wara Li Kien Waqa’ Sular U Nofs Fil-Marsa
Ir-raġel Somalu ta’ 39 sena li lbieraħ kien rappurtat bħala persuna nieqsa, ġie identifikat bħala l-ħaddiem li miet fl-Isptar kawża ta’ ġrieħi serji li ġarrab wara inċident f’fabbrika fit-22 ta’ Diċembru.
Il-vittma hu Ahmed Adawe Diriye, Somalu ta’ 39 sena, li kien jgħix Birżebbuġa. Ir-raġel kien waqa’ madwar sular u nofs waqt li kien qed jinstalla l-pannelli fotovoltaiċi fuq fabbrika li tinsab fil-Qasam Industrijali fil-Marsa.
Ir-raġel baqa’ ma ġiex identifikat wara l-inċident. Saħansitra, ilbieraħ il-Pulizija ppubblikat ritratt tiegħu u qalet li Diriye, deher l-aħħar fl-20 ta’ Diċembru li għadda f’Birżebbuġa. Ir-rapport dwar l-għajbien tiegħu sar minn qrabatu u persuni oħra li kienu jgħixu miegħu f’nhar il-Milied.
Minn rapporti jidher li mal-pubblikazzjoni tar-ritratt tiegħu, infermier fl-Isptar Mater Dei intebaħ li dan kien l-istess persuna li l-ġimgħa l-oħra ddaħħal l-isptar bi ġrieħi serji l-isptar u li kien għadu ma ġiex identifikat. Huwa miet ftit tal-jiem ilu kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab.