Is-Sindku Tan-Naxxar Tgħid Li Mhux Ħa Tirriżenja – “Dejjem Ġibt L-Interessi Tal-Lokalità U R-Residenti”
Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami rrifjutat li tirriżenja wara li ntalbet biex tagħmel hekk mill-Partit Nazzjonalista wara l-vot li ħadet f’isem il-Kunsill Lokali dwar il-proġett fiż-żona tal-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar.
Hija qalet li ma għanda l-ebda konflitt ta’ interess fil-proġett imsemmi kif ukoll saħqet li bħala Sindku tal-lokalità tan-Naxxar, dejjem ġabet l-interessi tal-lokalità u r-residenti.
“Dan il-proġett ġie ttrattat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar bħal kull proġett ieħor ta’ żvilupp li sar ġewwa n-Naxxar. Dan jixhdu t-tibdil li sar mill-aħħar proposta tal-proġett għal dik li ġie propost oriġinarjament mill-iżviluppatur, fejn mhux biss tnaqqset drastikament il-‘footprint’ tal-proġett imma wkoll wasalna fi ftehim mal-iżviluppatur li jaċċetta li jnaqqas l-ammonti ta’ sulari, anki jekk il-policy tal-Planning Authority ittih id-dritt li jtella aktar sulari milli dak li effettivament se jagħmel,” tenniet Anne Marie Muscat Fenech Adami.
Is-Sindku qalet li l-vot tagħha fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, kien riflessjoni sħiħa tas-sentiment u deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li ittieħed fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali numru 33, u kull darba li ġie diskuss dan il-proġett. “Għaldaqstant, jiena ridt ukoll nirrispetta d-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar fil-vot tiegħi. Din hija d-demokrazija politika u integrita tiegħi li dejjem mexxejt biha fil-Kunsill Lokali,” saħqet Muscat Fenech Adami.
Hija sostniet li bl-impjieg tagħha bħala segretarja fil-bord tal-kumpanija Chalet Bulgari, m’għandha l-ebda setgħa ta’ deċiżjoni fuq dan il-Bord. “Din il-kumpanija għandha biss proġett barra minn Malta,” saħqet is-Sindku tan-Naxxar filwaqt li qalet ukoll li m’għandi l-ebda rabta kuntrattwali mal-Perit Dr Edwin Mintoff.
“Fid-dawl ta’ dan, b’kuxjenza nemmen kemm fuq livell personali kif ukoll politiku, mxejt bit-trasparenza u b’etika politika, filwaqt li flimkien mal-Kunsilliera ħarist l-interessi tal-lokalità u r-residenti tagħna.”
Anne Marie Muscat Fenech Adami temmet tgħid li “konxjożament u moralment ninsab konvinta li għandi nkompli bil-ħidma tiegħi bħala Sindku tal-lokalità tan-Naxxar. Dan anke b’rispett lejn il-mandat b’saħħtu li tawni ir-residenti Naxxarin biex naqdi dan l-irwol, liema mandat m’għandu jkun imminat bl-ebda logħob politiku, aktar u aktar meta mhux ibbażat fuq fatti. Inwiegħed li bl-istess impenn li urejt fl-aħħar erba’ snin, flimkien ma’ mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar kollu, nkomplu npoġġu l-interessi tal-lokalità qabel kull interess ieħor.”