“Is-Sitwazzjoni Fl-ITU Baqgħet Stabbli…Il-Booster Dose Qed Jagħmel Differenza Enormi” – Il-PM Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela attenda l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussell tul il-jum tal-Ħamis. Il-Kunsill Ewropew kellu diversi temi fuq l-aġenda, bil-pandemija tal-Covid-19 terġa’ tieħu parti sostanzjali mill-ħin għad-diskussjoni.
Kulma jmur qed ikun iktar ċar kemm hu importanti l-vaċċin u l-Prim Ministru Robert Abela reġa’ enfasizza kif minkejja li n-numru ta’ każi reġgħu żdiedu, naqsu dawk li kellhom bżonn kura fl-isptarijiet. Fost oħrajn, fil-konklużjonijiet, kien enfasizzat kemm hu importanti li tkun miġġielda l-kampanja ta’ informazzjoni qarrieqa jew żbaljata kif ukoll il-ħtieġa ta’ koordinament bejn l-istati membri fl-azzjonijiet tagħhom. F’kummenti minn Brussell, il-Prim Ministru qal li “Id-diversi mexxejja li tkellmu dwar is-suġġett urew ruħhom mħassbin, iżda kien hemm xi ħaġa li kienet komuni bejn kull min għamel l-interventi tiegħu, fosthom jien għan-nom ta’ pajjiżna, l-importanza tat-teħid tal-booster dose. Spjegajt kif ir-rata qawwija ta’ vaċċinazzjoni li għandna f’pajjiżna kkontribwiet biex minkejja n-numru ta’ infezzjonijiet, il-qagħda fl-isptarijiet tagħna, partikolarment dawk fit-taqsima tal-kura intensiva, baqgħet waħda stabbli u dan jimlik b’kuraġġ u għalhekk nibqa’ intenni l-appell biex in-nies imorru jieħdu l-booster dose għax tagħmel differenza enormi.”
Is-settur tal-enerġija wkoll reġa’ kien fuq l-aġenda tal-mexxejja minħabba l-pressjoni internazzjonali fuq il-provvista u l-prezzijiet. Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru tenna li l-Ewropa trid tħares ’il quddiem għal soluzzjonijiet li jkunu tajbin għall-ġejjieni fit-tul u li jikkunsidraw enerġiji ġodda bħal idroġenu. Dan bil-għan li jkunu assigurati alternattivi iktar tajbin għall-ambjent u bi prezzijiet raġonevoli. Għal darba oħra reġa’ enfasizza l-bżonn li fl-immedjat ma jittieħdux azzjonijiet li jxekklu l-irkupru. “Fl-immedjat, l-iktar mira importanti hi li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Dak li qed naraw madwarna huwa xokkanti, kif il-prezzijiet tal-gass qegħdin jitilgħu litteralment minn ġurnata għal oħra u għaldaqstant kienet għaqlija l-pożizzjoni li ħa pajjiżna li jibqa’ jappoġġja lir-residenzi u n-negozji. Nemmen li dan hu pass importanti ferm. Għaddejjin minn fażi kruċjali u determinat li bħala gvern nibqgħu nkunu ta’ appoġġ għan-nies kif konna f’dawn l-aħħar xhur.”
Temi oħra fuq l-aġenda kienu l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun imħejjija biex b’mod kollettiv tiġġieled kriżijiet futuri.
L-immigrazzjoni, is-sigurtà u d-difiża, flimkien mal-aspetti esterni tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Belarus, l-Ukrajina u l-Etijopja wkoll kienu diskussa bejn il-mexxejja Ewropej, f’dak li kien l-aħħar Kunsill Ewropew skedat għal din is-sena.
Iltaqa’ wkoll il-Euro Summit li nżamm b’mod inklussiv bil-preżenza tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. L-enfasi kienet fuq l-irkupru ekonomiku fejn kien rikonoxxut kif ir-rispons b’saħħtu u kkordinat qed iwassal għal irkupru robust mill-kriżi tal-Covid-19. Il-mexxejja qablu li jridu jibqgħu jaġixxu b’ħeffa bil-għan li dan l-irkupru jkun sostnut.
Intant, tul il-jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fl-Eastern Partnership Summit li laqqa’ mal-istess mejda l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ta’ numru ta’ pajjiżi ġirien fil-Lvant tal-Unjoni Ewropea.
Ritratti: DOI