Jacob Cachia Huwa R-Rebbieħ Ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2021

 Jacob Cachia Huwa R-Rebbieħ Ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2021

Jeħtieġ tisħiħ f’dik li hija edukazzjoni biex tassew ikollna t-tip ta’ inklussività li nixtiequ, inklussività li nixtiequha u rriduha verament, u mhux biss għax mistenni minna.

Stqarr dan il-President ta’ Malta, George Vella permezz ta’ messaġġ virtwali waqt is-serata ta’ Premju Soċjetà Ġusta. Il-Premju Soċjetà Ġusta hu ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità. Dan huwa avveniment annwali li jagħmel parti mill-attivitajiet organizzati waqt il-ġimgħa ddedikata għad-Diżabilità, bil-għan li jiġu rrikonoxxuti l-kisbiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jħaddnu kultura ta’ inklużjoni favur persuni b’diżabilità.

Il-President fisser kif “huwa fid-dmir tagħna li niffokaw fuq l-abbiltajiet differenti li għandu kulħadd.  Huwa obbligu tagħna wkoll naraw li jitwarrab kull xkiel li jista’ ma jħallix persuna b’diżabilità tħossha tassew li tifforma parti sħiħa mis-soċjetà.”

Fid-diskors tagħha waqt din is-serata, il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ddedikat din iċ-ċelebrazzjoni lill-eluf ta’ ħaddiema li ta’ kuljum fis-silenzju jaħdmu b’tant għożża u imħabba ma’ persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet kif matul din is-sena s-settur tal-inklużjoni ngħata spinta kbira `l quddiem hekk kif għall-ewwel darba tressqu numru ta’ liġijiet fil-Parlament b’rabta ma’ dan is-settur u ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali għad-diżabilità b’miri ċari għad-disa’ snin li ġejjin. Il-qofol se jkompli jintleħaq tliet ġimgħa oħra, hekk kif jidħol fis-seħħ l-akbar budget li qatt ingħata fid-diżabilità – €50 miljun.

Ir-rebbieħa ta’ din is-serata kienu Żebbug Rangers FC Youth Nursery li ingħataw Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport, Arti u Kultura; il-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD) li ingħataw Premju għall-Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; l-Hon. Oliver Scicluna li ingħata l-Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-settur tad-Diżabilità; Farsons Group li ingħataw il-Premju għall-Iktar Post tax-Xogħol Inklussiv u Jacob Cachia li huwa r-rebbieħ ta’ Premju Soċjetà Ġusta.

Jacob Cachia, deskritt bħala sors ta’ motivazzjoni u pożittività, hu persuna li jmexxi cafeteria li tħaddem il-kunċett fejn perċentwal mill-flus imorru għall-għaqda non-governattiva ta’ Jacob Survivors Malta li l-fondi li tiġbor imorru biex jgħinu familji li jkunu għaddejjin minn trawma.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com