Jitnieda ‘Crisis Resolution Home Treatment’
Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali 2020-2030, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa llum nieda “Crisis Resolution Home Treatment”, servizz ġdid tal-kura tas-saħħa mentali fid-djar tal-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif it-tim li joffri dan is-servizz huwa bbażat f’binja separata, rinnovat, biswit l-Isptar Monte Karmeli, madanakollu x-xogħol ta’ dan it-tim, li huwa magħmul minn 11-il professjonist, se jsir fid-djar tal-pazjenti. Huwa spjega li t-timijiet, immexxiha minn Dr David Cassar u Dr Maria Axiak, se jkunu qed jaħdmu ma’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali akuta, u li din l-istess kura aċċessibbli tista’ li tevita li wieħed ikun rikoverat fl-isptar Monte Karmeli. Fil-fatt hu stmat li madwar terz mill-każijiet akuti jistgħu jevitaw li jidħlu l-isptar permezz ta’ dan is-servizz il-ġdid.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne rrimarka, li s-servizzi ta’ saħħa mentali offruti fil-komunità, wasslu biex f’Monte Karmeli bħalissa hemm inqas minn mitejn pazjent, numru ferm iżgħar minn dak li għal snin twal ospita l-istess sptar.