Konrad Mizzi U Keith Schembri Pprojbiti Milli Jidħlu Fl-Istati Uniti
Il-Gvern Amerikan ħabbar li l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi u l-eks chief of staff ta’ Kastilja, Keith Schembri se jkun qed jipprojbixxi uffiċjalment milli jidħlu fl-Istati Uniti. Dan minħabba l-involviment tagħhom f’attivitajiet ta’ korruzzjoni.
Fi stqarrija, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li meta huma kienu fil-karigi tagħhom ta’ Ministru għall-Enerġija u Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat rispettivament, Mizzi u Schembri “kienu nvoluti f’atti korrotti u għamlu użu mill-influwenza politika tagħhom biex jibbenifikaw personalment.”
“Teżisti informazzjoni kredibbli li turi li Mizzi u Schembri kienu nvoluti fi skema korrotta li wasslet biex ingħata kuntratt tal-Gvern biex tinbena power station u huma jaqilgħu xi flus. Dawn l-atti mminaw ir-rule of law tal-pajjiż u naqqsu l-fidi li kellu l-poplu Malti fil-Gvern tiegħu,” saħaq id-Dipartiment.
Il-projbizzjoni tgħodd ukoll għal Sai Mizzi, mart Konrad Mizzi u ż-żewġt itfal tiegħu li għadhom minorenni, kif ukoll fuq Josette Schembri, mart Keith Schembri, u fuq Juliana Schembri Vella, it-tifla tagħhom li għadha minorenni.
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan saħaq li se jkompli jiġġieled favur ir-rule of law f’Malta biex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż.