L-Awditur Ġenerali Jlesti R-Rapport Dwar L-Operat Tal-Ħabs Ta’ Kordin
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farruġia r-rapport fejn fih saret analiżi tal-mod kif topera l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi minn perspettiva strateġika, ġewwa l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin (CCF).
Primarjament, l-Awditur Ġenerali nnota li l-leġiżlazzjoni lokali eżistenti ma’ timponix obbligi suffiċjenti fuq l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fir-rigward ta’ sistema effettiva ta’ riabilitazzjoni.
B’rabta ma’ dan, l-Awditur Ġenerali osserva li, filwaqt li f’dawn l-aħħar snin saru sforzi sinifikanti biex jitfasslu care plans għall-ħabsin ġewwa s-CCF, l-inizjattivi ta’ kura u riintegrazzjoni għadhom mhumiex qed jilħqu lill-priġunieri kollha. Dan huwa evidenti fin-numru baxx ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u dawk edukattivi li qed jingħataw lill-priġunieri.
Waqt l-ispezzjonijiet li għamel mingħajr avviż ġewwa s-CCF, l-Awditur Ġenerali osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa u rrikonoxxa wkoll li riċentatment sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs. Madanakollu, filwaqt li ġie nnotat li l-istat strutturali tal-Faċilità ġeneralment mhuwiex oġġezzjonabbli, l-NAO xorta identifika xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward li jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nfisha diġà hija intrinsikament diffiċli.
Dwar l-għadd ta’ priġunieri fil-ħabs li l-operat tiegħu jiswa mat-23 miljun ewro fis-sena, l-Awditur qal li waqt l-Aġenzija m’għandhiex kontroll fuq kemm jinżammu fil-faċilità, u lanqas fuq ir-rekwiżiti ta’ segregazzjoni, innota li d-daqs tal-ħabs huwa limitat ħafna. Qal li din il-qagħda ġġib magħha problemi fir-rigward ta’ sigurtà, iġjene u privatezza.
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll kif, abbażi taċ-ċifri pprovduti mis-CSA, l-abbuż tad-droga fi ħdan s-CCF naqas b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċifri juru dik li tista’ titqies bħala sitwazzjoni kkontrollata f’ambjent li huwa konvenzjonalment suxxettibbli għal sfidi f’dan il-qasam.
Permezz ta’ dan l-istudju, l-Awditur Ġenerali osserva wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisti inkarigati mill-kura u riintegrazzjoni, żdied matul dawn l-aħħar snin. Minkejja dan, in-numru ta’ nies impjegati ġewwa s-CCF għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija.
Filwaqt li l-Awditur Ġenerali wera tħassib dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika ċentralizzata fi ħdan s-CCF, jirrikonoxxi l-fatt li ġie ffirmat ftehim ma’ fornitur estern li se jipprovdi lis-CSA b’Offenders Management System. L-Awditur Ġenerali rrikonoxxa wkoll li s-CSA bdiet proċess biex il-proċeduri operazzjoniali tagħha jiġu żviluppati u dokumentati b’mod uffiċjali.
F’kumment, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri laqa’ b’mod pożittiv dan ir-rapport tal-Awditur, filwaqt li tenna li r-rapport huwa xhieda ħajja tal-ħidma li saret fl-aħħar snin. “Xogħolna issa huwa li nkomplu nibnu fuq ‘il ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin u nkomplu ndaħħlu r-riformi li se jkunu rakkomandati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta li jiena ħtart ftit tal-ġimgħat ilu, ħalli anke fejn hemm meħtieġ aktar attenzjoni, tittieħed azzjoni”. Il-Ministru wassal ir-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema kollha fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li kienu katalisti sabiex saru tant riformi.