L-Għana Folkloristika Maltija Titpoġġa Fuq Il-Lista Tal-Wirt Kulturali Tal-Umanità
Waqt is-16-il laqgħa tal-Kumitat Intergovernattiv tal-UNESCO li qiegħda ssir f’Pariġi, ġiet approvata b’mod unanimu l-applikazzjoni ta’ Malta biex l-Għana Folkloristika Maltija titpoġġa fuq il-Lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità.
Dan hu t-tieni element tal-wirt kulturali intaġibbli Malti li qed jikseb dan l-għarfien internazzjonali u qed ikun iskritt fuq il-Lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità billi s-sena l-oħra, il-mod kif issir il-Ftira Maltija kisbet ukoll dan l-għarfien mill-UNESCO.
F’kumment lill-Assemblea, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera rringrazzja lill-UNESCO, il-kumitat tal-evalwazzjoni, u l-pajjiżi fi ħdan din l-għaqda internazzjonali talli laqgħu t-talba ta’ pajjiżna biex l-Għana Folkloristika Maltija tiġi rikonoxxuta wkoll fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru Herrera stqarr li dan hu unur għall-poplu Malti u Għawdxi kollu li għaqda internazzjonali bħalma hi l-UNESCO tkompli tirrikonoxxi l-wirt kulturali kbir li għandu pajjiżna, kif ukoll unur kbir għall-għannejja kollha, għall-kitarristi u dawk kollha li jħobbu l-għana li jżommu dan il-Wirt Kulturali ħaj. Il-Ministru Herrera żied jgħid li dan il-privileġġ qed ikompli jpoġġi aktar responsabbiltà fuqna lkoll sabiex nassiguraw li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ritratti: DOI