L-Impjegati Ta’ Melita Jiġbru Fondi Biex Nature Trust Tikseb Magna X-Ray Mobbli
Impjegati ta’ Melita Limited ġabru fondi biex jgħinu fl-irkupru tal-ispiża marbuta max-xiri ta’ magna X-Ray mobbli li Nature Trust Malta se tuża waqt ir-riabilitazzjoni ta’ fkieren salvati. Il-flus inġabru fuq inizjattiva ta’ Eleanor Sacco, Senior HR Executive ma’ Melita u membru attiv ta’ Nature Trust.
Vince Attard, President ta’ Nature Trust Malta, qal, “Il-magna X-Ray se tkun estremament utli fil-proċess tar-riabilitazzjoni tal-fkieren salvati. Il-magna se tippermettilna niżguraw li l-fkieren li jiġu taħt il-kura tagħna ma jkunux belgħu snanar, plastik, jew oġġetti oħra li jistgħu jikkawżaw ħsara. Nature Trust tiddependi fuq l-appoġġ tal-membri tagħha u l-komunità in ġenerali biex tkompli bil-ħidma tagħha u fuq inizjattivi effettivi ħafna bħal dawn, li fl-istess waqt jiġbru flimkien il-kollegi tax-xogħol .”
Jacqueline Abela, Kap tar-Riżorsi Umani ta’ Melita Limited, qalet, “Filwaqt li Melita, b’mod partikolari permezz tal-Fondazzjoni Melita, hi attiva ħafna fl-appoġġ dirett ta’ bosta inizjattivi soċjali, edukattivi u kulturali, aħna dejjem lesti b’idejna miftuħin biex ngħinu lill-impjegati li jixtiequ jappoġġjaw kawżi partikolarment tajbin. L-impenn ta’ Eleanor lejn Nature Trust huwa eżemplari u kien sabiħ li tara tant kollegi minn madwar l-organizzazzjoni jingħaqdu flimkien biex jappoġġjawha.”