L-Ispeaker B’Laqgħa Mal-Membri Tal-Kunsill Konsultattiv Għad-Drittijiet Tan-Nisa
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ltaqa’ mal-Membri tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa fil-Parlament ta’ Malta. Id-delegazzjoni tmexxiet mis-Sinjura Claudette Abela Baldacchino, Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa f’Malta.
Matul din il-laqgħa, waqt li ġie rikonoxxut l-avvanż tal-mara f’pajjiżna, il-Kunsill Konsultattiv saħaq fuq l-importanza li jkompli dejjem jkattar l-għarfien tad-drittijiet tal-mara f’Malta u Għawdex u biex jintlaħaq bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament. L-Ispeaker għaraf l-importanza tat-tibdil li sar fil-liġi, intiż biex tiżdied ir-rappreżentanza ta’ nisa deputati fil-Parlament. Dan għandu jġiegħel il-partiti politiċi f’pajjiżna jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jiżdied is-sehem tal-mara fil-politika li hu ta’ siwi għal ġid tas-soċjetà tagħna.
Din il-laqgħa saret propju fil-perjodu bejn l-25 ta’ Novembru meqjus bħala l-Jum Dinji kontra l-Vjolenza Domestika, u l-10 ta’ Diċembru 2021, il-Jum Internazzjonali Favur id-Drittijiet tal-Bniedem. Kull azzjoni li tittieħed biex il-mara tgħix b’mod dinjituż fis-soċjetà għandu jitqies bħala dritt uman. F’dan il-kuntest, dawk preżenti ddiskutew fit-tul il-vjolenza fuq il-mara fil-familja, il-fastidju lin-nisa jġarrbu fis-soċjetà, b’mod partikolari fil-postijiet tax-xogħol, u t-traffikar illegali tan-nisa, fost affarijiet oħra.
L-Ispeaker saħaq fuq l-importanza li t-tfal tagħna, bniet u subien ikunu mgħallma jirrispettaw lil xulxin, u b’mod partikolari lill-mara. Hu saħaq ukoll fuq l-importanza li l-awtoritajiet jgħinu lill-vittmi ta’ atti kriminali u jitħaffew il-proċeduri u biex dawk kollha milquta b’mod ħażin jirċievu l-kenn u l-għajnuna kollha meħtieġa ħalli jqumu fuq riġlejhom u jibdew jgħixu ħajja dinjituża.
L-Ispeaker faħħar ukoll is-sehem u l-kontribut li qed jagħtu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi f’dan ir-rigward. Hu wiegħed li l-Parlament ta’ Malta ser jgħin lill-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa fil-ħidma tiegħu biex ikompli jikber l-għarfien tal-importanza ta’ sehem il-mara fis-soċjetà.