L-Oppożizzjoni Tkompli Tinsisti Mal-Kumitat Permanenti Dwar Il-Petizzjonijiet Biex Jitlaqqa’ B’Urġenza

 L-Oppożizzjoni Tkompli Tinsisti Mal-Kumitat Permanenti Dwar Il-Petizzjonijiet Biex Jitlaqqa’ B’Urġenza

Wara t-talba formali li l-Oppożizzjoni għamlet fil-Parlament nhar is-7 ta’ Diċembru, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar fi stqarrija qal li sar kuntatt mad-deputat Laburista Joe Mizzi li hu ċ-Chairperson tal-Kumitat permanenti dwar il-petizzjonijiet sabiex jitlaqqa’ b’urġenza l-kumitat permanenti dwar il-petizzjonijiet u ssir diskussjoni dwar petizzjoni minn 53 għaqda u individwi dwar il-liġi tal-kannabis.

Cutajar qal li sal-lum l-Oppożizzjoni baqgħet mingħajr risposta. Ntqal li l-Oppożizzjoni formalment kitbet liċ-Chairman sabiex b’mod urġenti, u qabel jittieħed il-vot dwar il-liġi tal-kannabis nhar it-Tlieta 14 ta’ Diċembru, jitlaqqa’ dan il-kumitat.

Fl-ittra tagħha, l-Oppożizzjoni fakkret li kull proċedura li teżisti fil-ħidma Parlamentari tista’ tinbidel jew tiġi modifikata bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. Dan allura jfisser, li biex jitlaqqa’ dan il-Kumitat m’għandu jkun hemm l-ebda problema ġaladarba l-Gvern jaqbel mal-Oppożizzjoni li din hija materja serja, urġenti u ta’ importanza nazzjonali.

il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar temm jgħid li l-membri tal-Oppożizzjoni li jiffurmaw parti minn dan il-Kumitat huma disposti jiltaqgħu fi kwalunkwe ħin u ġurnata qabel il-vot sabiex din il-petizzjoni tiġi diskussa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com