Malta Tappoġġja L-UE Biex Ikunu Estiżi R-Reati Li Jkopru Diskors Ta’ Mibegħda U R-Reati Relatati

 Malta Tappoġġja L-UE Biex Ikunu Estiżi R-Reati Li Jkopru Diskors Ta’ Mibegħda U R-Reati Relatati

Mal-Ministru tal-Ġustizzja Marco Buschmann

Ilbieraħ il-Ministru għall-Ġustizzja u Governanza, Dr Edward Zammit Lewis, ipparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Ġustizzja u Intern), li saret fi Brussell.

Id-diskussjoni ffukat primarjament fuq erba’ suġġetti ewlenin; l-Ordni Ewropea tal-Produzzjoni u l-Preservazzjoni, il-lezzjonijiet meħuda mill-Pandemija tal-COVID-19, il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-kriminalità ta’ mibegħda u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Meta tkellem dwar it-tagħlimiet meħuda mill-Pandemija tal-COVID-19, il-Ministru Zammit Lewis innota li Malta wettqet il-proċessi kollha meħtieġa biex tilħaq bilanċ tajjeb u tagħti liċ-ċittadini tagħha d-dritt għal proċess ġust kull fejn dawn intenzjonati biex jappellaw kontravenzjoni. Barra minn hekk il-Ministru kompla jenfasizza li Malta għandha “mekkaniżmi leġiżlattivi, permezz tal-Att dwar is-Saħħa Pubblika li jagħti setgħat speċifiċi lill-Ministru għas-Saħħa u lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, biex jiddikjaraw emerġenza tas-saħħa pubblika u jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-adozzjoni ta’ Avviżi Legali, biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku ġenerali.”

B’referenza għad-diskors ta’ mibegħda u l-kriminalità tal-mibegħda, il-Ministru Zammit Lewis saħaq li “filwaqt li t-tnejn li huma dan l-aħħar kienu qed jiżdiedu, kien imperattiv li l-Gvern Malti joħloq kuxjenza dwar il-kwistjoni, filwaqt li joħloq l-istrutturi meħtieġa biex jindirizza din il-problema. F’dan ir-rigward, Malta għandha Victim Support Unit li taħdem bis-sħiħ fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, li taħdem b’mod parallel mal-Victim Support Agency. Barra minn hekk, Malta għandha wkoll Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, stabbilit biex jissalvagwardja l-interess ta’ dawk li jisfaw vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda jew reati ta’ mibegħda.” Huwa kompla jinnota “li m’hemm ebda lok għall-mibegħda fl-ebda soċjetà, speċjalment f’soċjetajiet bħal tagħna msejsa fuq Valuri Ewropej minquxa fit-trattati”.

Il-Ministru Zammit Lewis attenda wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Ġustizzja Estonjan, is-Sinjura Maris Lauri. Matul din il-laqgħa ġew diskussi kwistjonijiet bħal-liġi tal-insolvenza u ż-żamma tal-protezzjoni tad-data.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis mal-Ministru Taljana tal-Ġustizzja Marta Cartabia
Il-Ministru Edward Zammit Lewis mal-Kummissarju tal-Ġustizzja Didier Reynders
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com