Maskri Mandatorji, Tilqim Lit-Tfal U Tnaqqis Fiż-Żmien Bejn It-Tieni U T-Tielet Doża…Tkompli L-Ġlieda Kontra L-Covid-19

 Maskri Mandatorji, Tilqim Lit-Tfal U Tnaqqis Fiż-Żmien Bejn It-Tieni U T-Tielet Doża…Tkompli L-Ġlieda Kontra L-Covid-19

Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara nofsinhar id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li sabiex nantiċipaw il-varjant Omicron, u li fid-dawl li l-immunità tal-vaċċin tonqos maż-żmien u li bħalissa hu mistenni li tiżdied l-attività soċjali marbuta mal-festi tal-Milied, se jiġi estiż l-użu mandatorju tal-maskri. Huwa fakkar kif sa issa kien obbligatorju li persuna mlaqqma tilbes il-maskra f’postijiet pubbliċi, fuq il-mezzi tat-trasport pubbliċi, fl-istabbilimenti, fl-iskejjel, u waqt l-avvenimenti u spjega li l-eżenzjoni tal-ilbies tal-maskra għal gruppi ta’ żewġ persuni li huma mlaqqma se tiġi sospiża min-nhar is-Sibt. Għaldaqstant, l-użu tal-maskra se jkun obbligatorju għal kulħadd.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif din il-miżura tista’ twassal sabiex ikollna Milied tajjeb u ħeġġeġ lill-pubbliku jsegwi l-protokolli tal-Awtoritajiet għas-Saħħa marbuta mal-attivitajiet, fl-iskejjel u fid-djar, fost oħrajn.

Il-Ministru għas-Saħħa spjega ukoll kif il-parir tal-Awtoritajiet għas-Saħħa ġie aġġornat, u sabiex ikunu evitati “breakthrough infections”, il-perjodu ta’ bejn it-tieni u tielet doża se jonqos għal 4 xhur.

Ntqal li mit-testijiet preliminari li qed isiru qed jirriżulta li l-booster tal-vaċċin qiegħed jilqa’ kontra l-Omicron, u għaldaqstant ħeġġeġ lil kull min għandu ‘l fuq minn 50 sena sabiex jirreġistra għall-booster fuq vaccin.gov.mt.

Il-Ministru Chris Fearne ħabbar li l-ewwel konsenja ta’ tilqim tal-COVID-19 tat-tfal hi stmatha li tasal nhar it-Tnejn, u li mill-għada se jibda t-tilqim ta’ tfal li għandhom mard kroniku jew li huma vulnerabbli. Tul il-ġimgħat ta’ wara l-ġenituri tat-tfal se jirċievu invit bid-data tal-appuntament tal-vaċċin ta’ uliedhom. Huwa spjega li d-doża tal-vaċċin tat-tfal hija terz dik tal-adulti.

Filwaqt li spjega li l-istaġun tal-vaċċin tal-influwenza għadu ma rrankax f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru appella sabiex kull min jixtieq jirċievi din it-tilqima jagħmel dan mill-iżjed fiss. Huwa stqarr li s’issa ġew amministrati ‘l fuq min 92,000 tilqima tal-influwenza, u li min-nhar it-Tnejn din it-tilqima se tkun offruta wkoll f’numru ta’ bereġ madwar Malta, apparti fiċ-ċentri tas-saħħa, fejn ilha tingħata għal dawn l-aħħar ġimgħat. ​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com