Minn Nhar Is-Sibt Jibdew Jaslu L-Pagamenti Ta’ Bosta Miżuri Soċjali Bil-Quddiem
Minn nhar is-Sibt li ġej, eluf ta’ familji u pensjonanti se jibdew jirċievu l-ewwel pagamenti marbuta maċ-Children’s Allowance, l-Għajnuna għal Tfal b’Diżabilità, l-Għajnuna Supplimentari u l-Għajnuna Finanzjarja għal dawk il-persuni mingħajr indirizz fiss.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musu. Il-pagamenti li se jingħataw is-Sibt li ġej ikopru l-ewwel tliet xhur tas-sena 2022.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif issa saret prassi normali kif jitqassmu numru ta’ pagamenti qabel iż-żmien, biex inħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Fil-fatt din is-sistema ta’ ħlasijiet qabel iż-żmien mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, bdiet titħaddem mis-sena 2013 ‘l hawn.
“Kemm huwa importanti li nkomplu ntejjbu s-soċjetà tagħna, irridu nkunu hemm għal 95,000 pensjonant, għat-tfal, inkluż dawk b’diżabilità, għal persuni bla indirizz fiss fost oħrajn. Irridu nwasslu l-messaġġ li dejjem hemm xi ħadd li tista’ ddur fuqu anke jekk għandek diffikultajiet. Mhux bilfors għandna soluzzjoni għal kulħadd imma żgur li se nippruvaw ngħinu lil kulħadd”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid illi fattur importanti li ħareġ huwa li għalkemm kompla jikber il-kejk ekonomiku, fl-istess waqt komplew jonqsu in-nies dipendenti fuq benefiċċji soċjali. Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatika l-NSO tikkonferma li ġie rreġistrat rekord ġdid fl-anqas numru ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenzi soċjali qatt reġistrat. Minn 13,949 f’Dicembru tal-2013, issa dawk dipendenti fuq benefiċċji soċjali niżlu għal 6,243 persuna matul Diċembru ta’ din is-sena. Dan ifisser li naqsu aktar minn nofs dawk dipendenti fuq għajnuna socjali.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega permezz ta’ preżentazzjoni dettaljata liema huma dawk il-persuni li se jkunu qed jirċievu pagamenti qabel iż-żmien minn nhar is-Sibt li ġej. Tkellem dwar kif il-familji, it-tfal u l-pensjonanti huma fost dawk li l-aktar li se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.
Ritratt: DOI