Mix-Xahar Id-Dieħel Jitwaqqaf Il-Bejgħ Tal-Plastik Li Jintuża Darba Biss
Ġiet ippubblikata l-istrateġija tas-Single-Use Plastics (2021-2030), kif ukoll il-Pjan fit-tul ta’ Malta għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2021-2030, wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mad-Deputat Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA Kevin Mercieca u d-Direttur tad-Direttorat għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima fi ħdan il-Ministeru Ruth Debrincat.
Il-Ministru stqarr li l-qabża minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari hija importanti issa aktar minn qatt qabel. “L-ekonomija ċirkulari se toffri opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli, saħħa aħjar u impjiegi ta’ kwalità, filwaqt li tipproteġi l-ambjent u r-riżorsi naturali tagħna. F’kull deċiżjoni politika rridu nżommu f’moħħna l-benesseri tas-soċjetà tagħna u ta’ uliedna, u għalhekk qed nimplimentaw dawn il-miżuri ambizzjużi,” qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru spjega kif l-istrateġija tal-Single-Use Plastics, li tinkludi miżuri konkreti li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej, hija bbażata fuq l-ambizzjoni tal-Gvern li nimxu lejn ekonomija li hija tassew ċirkolari, b’soċjetà aktar konxja u responsabbli. Fil-fatt il-gvern diġà beda miexi lejn din id-direzzjoni hekk kif iktar kmieni din is-sena Malta saret fost l-ewwel pajjiżi li waqqfu l-importazzjoni ta’ diversi prodotti magħmulin mill-plastik li jintuża darba biss, u hekk kif mis-sena d-dieħla se tiddaħħal ukoll il-projbizzjoni tal-bejgħ tagħhom.
Dwar il-Pjan fit-tul ta’ Malta għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2021-2030, il-Ministru qal li dan id-dokument jiddeskrivi l-viżjoni tal-Gvern li jagħmel qabża kbira fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, billi jħaddan approċċ ċirkolari u jittrasforma l-iskart f’riżorsa.
“L-għan ewlieni tal-Pjan fit-tul dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa li nimxu lejn ekonomija ċirkulari: narmu inqas, nirriċiklaw aktar biex innaqsu l-ħela ta’ riżorsi u nagħtu ħajja ġdida lill-materjali li s’issa ħafna minnhom konna qed nitfgħuhom fil-miżbliet,” qal il-Ministru Farrugia.
“B’dan il-pjan ambizzjuż, li numru ta’ miżuri minnu diġà bdew jiġu mplimentati, ser naraw qabża ta’ kwalità f’dan is-settur. Għandna triq twila quddiemna u biss bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd ser jirnexxilna naslu biex niksbu r-riżultati li pajjiżna ħaqqu,” temm jgħid Il-Ministru Aaron Farrugia.