Naxxari Li Ħadem Mal-Għaqdiet Kollha Naxxarin – Clifford Galea Jirbaħ Ġieħ In-Naxxar

 Naxxari Li Ħadem Mal-Għaqdiet Kollha Naxxarin – Clifford Galea Jirbaħ Ġieħ In-Naxxar

F’ċerimonja li saret fil-bini tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar ilbieraħ filgħaxija, Clifford Galea Vella Maslennikov rebaħ l-unur: Ġieħ in-Naxxar li huwa l-ogħla unur fir-raħal.

Minn ċkunitu dejjem attiv fin-Naxxar. Ta’ 10 snin, bagħat l-ewwel ittra/suġġeriment lill-kunsill lokali tan-Naxxar. Ta’ 13-il sena beda jdoqq l-orgni tal-knisja u janima l-quddies flimkien ma’ Dun Pawl Caruana kif ukoll jgħin lis-sagristan jarma l-knisja matul is-sena liturġika. Kien ukoll jgħin fl-organizzazzjoni tal-iljieli Maltin fiċ-ċentru tas-Sgħajtar fejn trabba.

Minn hemm introduċa ruħu sew fil-komunità Naxxarija fejn organizza żewġ talent shows; wieħed b riżq il-parroċċa fejn bil-flus li nġabru, inxtara u ntrama l-armar tal-Milied tal-pjazza li għadu jintrama sal-lum u ieħor b’riżq il-Banda Vittorja li ta’ 17-il sena, sar l-iżgħar Segretarju Ġenerali f’pajjiżna fejn dam f’din il-kariga għal 9 snin sħaħ. Lill-istess banda kien jipprovdilha servizz ukoll ta’ preżentatur u kantant kif ukoll tella’ l-banda f’Ruma f’udjenza mal-Papa fejn ukoll daqqet il-banda. Mal-Papa Franġisku, Clifford iltaqa’ personalment ukoll qabel, meta kellu stedina minnu wara li bgħatt ittra personali fis-sena li kien ġie elett il-Papa. Ippreżentalu ritratt tal-Knisja ta’ Marija Bambina.

Ħadem biex ir-relazzjoni bejn l-għaqdiet Naxxarin tkun dik li tippromovi l-kburija Naxxarija, tant li mill-banda Vittorja, ippreżenta l-Cantata tal-Banda Peace waqt li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju. Din hija xi ħaġa rari fejn is-soltu jkun hemm rivalità.

Tant u hekk, li sabha naturali jingħaqad iżjed tard mal-Banda Peace bħala PRO imbagħad bħala Viċi President; kariga li jokkupa sal-lum.

Kien ukoll Assistent Segratrju tan-Naxxar Lions fejn reġa’ beda jorganizza l-bbq ta’ fund raising wara snin ta’ nuqqas b’riżq it-tim naxxari, events oħra ta’ fund raising, u anke kanzunetti u briju biex ikabbar is-sapport lejn it-tim tant li ħa l-players jirrekordjaw kanzunetta fi studio. Illum huma l-Viċi President tan-Naxxar Lions FC.

Fl-2009 ikkontesta l-kunsill lokali u mill-ewwel sar il-Minority leader tan-Naxxar fejn organizza l-avveniment Ir-Raħal fil-Milied Naxxar li kien ta’ success b’ammont kbir ta’ nies iżuru r-raħal. Dan għadu jissemma sal-lum fin-Naxxar. Organizza wkoll minn butu, Naxxar on Old Wheels. Fl-elezzjoni ta’ wara, ġab l-akbar ammont ta’ voti fost il-kunsilliera Laburista fl-istorja tal-Kunsill u anke b’ammont ikbar mill-kunsilliera ta’ partiti oħra fejn ġab 2, 225 vot.

Ta’ kontribut qawwi fuq il-midja; kemm bi programmi tar-radju, televizjoni u kitba fil-gazzetti fejn kontinwament faħħar u għolla isem in-Naxxar kemm felaħ. Illum imexxi wkoll paġna fuq instagram Naxxari_Tramuntana b’laqta’ storika, personaġġi u kulturali li nsibu f’din il-belt.

Ħadem ukoll flimkien ma’ oħrajn, biex il-Parroċċa tan-Naxxar tkun elevata għal Kolleġġjata lura fl-2019 fejn personalment anke talab dan lill-Arċisqof Charles Jude Scicluna fuq il-barka tal-Arċipriet David Gauci.

Bla dubju, kien membru tista’ tgħid f’kull għaqda fin-Naxxar; adoloxxenti tal-oratorju mmexxija minn Fr Marco Portelli, mar missjoni darbtejn; waħda minnhom mal-ex Arcipriet Dun Salvinu Micallef fil-Kenya, u oħra fil-Peru mal-President George Abela, kien scouts għal 7 snin sħaħ u anke fil-mużew.

Clifford iżżewweġ ukoll fil-kunsill Naxxari fejn żewġitu s-sindku Annemarie Fenech Adami b’rispett lejn dak li kien dejjem iħobb u li serva fih għal 10 snin bħala Minority Leader. Kien hu li ssuġerixxa t-twaqqief tal-Għaqda Kulturali Wirt Naxxari li taħdem biex tfakkar u tqajjem għarfien dwar l-istorja tan-Naxxar.

Sal-lum, għadu jikkomunika kontinwmanet mal-kunsill biex jgħin fejn jista’ u jtejjeb ir-raħal Naxxari.

Clifford safa wkoll vittma tad-droga fejn wara sentejn fl-abbissi, ħareġ l-istorja tiegħu pubblikament, irrijabilita ruħu u saħansitra spiċċa jaħdem mal-Oasi f’Għawdex fejn għamel il-programm u anke mal-‘Anti Substance unit’ fi ħdan id-dipartiment tal-edukazzjoni. Ħareġ ktieb tat-tisjir bir-riċetti li kienu jissajru fil-programm ta’ rijabilitazzjoni bil-fondi li nġabru marru għall-OASI stess. Jitkellem fil-pubbliku, fuq il-midja, u anke fl-iskejjel dwar dan. Ħareġ ukoll ktieb taħt il-patroċinju tal-President George Vella: Nifs li kwazi kissirni fejn fih tkellem b’mod miftuħ u onest dwar dak li ġiegħlitu jagħmel id-droga biex ħaddiehor ma jgħaddix mill-istess esperjenza. Fuq talba wkoll tal-Onorevoli Maria Deguara, tkellem ukoll fil-parlament pubblikament dwar l-esperjenza tiegħu fil-jum dinji ta’ kontra d-droga biex iqajjem kuxjenza. Mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar,organizza wkoll fuq inizjattiva tiegħu, Konferenza Nazzjonali ta’ għarfien flimkien mal-Fondazzjoni OASI biex titqajjem diskussjoni u kuxjenza dwar id-droga. It-tema kienet: Id-Droga wara biebek; illum jien, għada int! Din ittellgħet f’Villa Arrigo taħt il-Patroċinju tal-President George Vella.

Għat-tieni sena, wassal il-programm GRAMMA fuq TVM b’għarfien u tagħlim fuq l-addictions.

Huwa għalliem tal-istorja bil-professjoni fejn għandu wkoll Masters fil-Barokk u issa huwa kandidat għad-Dottorat dwar l-istudju tal-festi f’Malta vis a vis t-turiżmu. Huwa ggradwat ukoll fil-pjanu mil-London College of music u ħa sehem ukoll fil-Malta Song For Europe apparti li kanta f’diversi kunċerti, fosthom maż-żewġ baned Naxxarin dejjem bla ħlas. Huwa benefattur konsistenti għall-għaqdiet Naxxarin fejn ikun possibbli u jisħaq li dan itieh sodisfazzjon kbir. Kien għalliem tal-istorja fl-iskola sekondarja tas-subien fin-Naxxar, fil-Fortini fil-Birgu u fil-Verdala Junior Lyceum f’Bormla. Għallem ukoll lill-gwidi tat-turisti fi ħdan l-ITS.

Galea kien ukoll l-ewwel kuratur amministrattiv tal-Casino Notabile Mdina fuq bażi volontarja fejn għal 5 snin sħaħ, biddel dan il-post f’ ċentru artistiku li fih ittellgħu bosta wirjiet tal-arti, serati mużika letterarji, konferenzi fuq skala żgħira u attivitajiet oħra. Huwa membru tal-STAMPS Board fejn flimkien ma’ tim, ifasslu ideat għal dak li se jkun stampar fil-bolol tal-posta Maltija. Membru wkoll fil-Foundation for Tourism Zone Development u huwa wkoll iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ fi ħdan il-Gvern.

Riċentament, Clifford ħa ċertifikat ieħor fejn kien elett b’maġġoranza kbira ta’ voti bħala President tar-Reġjun Tramuntana, anke jekk politikament dan mhux reġjun marbut mal-kulur li huwa. Propju dan jiċċertifika l-fatt li Clifford ma jaħsibx fil-kulur, imma jaħseb fil-proxxmu, hu min hu jew hi min hi b’mod speċjali fin-Naxxar u n-Naxxarin.

Ħabrieki, simpatiku, enerġetiku u dejjem bit-tbissima.

Sentejn ilu, dan il-Ġieħ prestiġġjuż intrebaħ mill-kantanta Mary Spiteri. Awguri Clifford.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com