Nistennew Temp Bnazzi Fil-Jiem Tal-Milied…
Il-bassara tat-temp qed jgħidu li pressjoni għolja tal-Ażorre se tissaħħaħ xi ftit u tkun viċin il-Marokk. Din ser timblokka l-maltemp Atlantiku milli jidħol fil-Mediterran u magħha se ġġib ukoll kurrenti ferm anqas kesħin lejn iċ-ċentru tal-Mediterran lejliet u nhar il-Milied u anke fil-jiem ta’ wara.
It-temp matul din il-ġimgħa se jkun ġeneralment bnazzi jew xemxi fil-jiem kollha bi ftit sħab, għajr il-Ħamis fejn jista’ jkollna xi raxxa xita ħafifa f’xi nħawi. It-temp se jisħon ukoll konsiderevolment sa tmiem il-ġimgħa.
Ir-riħ se jkun riħ fuq fl-ewwel nofs tal-ġimgħa – Punent Majjistru moderat (sa Forza 5) li jsir ħafif; riħ isfel fit-tieni nofs tal-ġimgħa – Xlokk ħafif għal Nofsinhar moderat (sa Forza 4).
It-temperatura massima se togħla gradwalment minn madwar 16°C fl-ewwel jumejn tal-ġimgħa għal ~20°C fi tmiem il-ġimgħa, filwaqt li t-temperaturi minimi se jvarjaw bejn 10°C fil-bidu tal-ġimgħa għal ~14°C lejn tmiemha.
It-temperatura tal-baħar tkompli titbaxxa iżjed u issa tinsab f’medja ta’ 18°C, li hi madwar 1°C aktar sħuna mill-medja tal-aħħar ta’ Diċembru.
Ritratt: Facebook