Oratorju Mużikali Fil-Kolleġġjata Tal-Birgu – Fit-8 Ta’ Jannar 2022
Fl-okkażżjoni ta’ għeluq il-200 sena mill-pussess tal-ewwel Kanonċi u l-għeluq tal-Festi Biċentinarji tal-Kolleġġjata, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa, bil-kollaborazzjonni tal-Fondazzjoni Kottonera, nhar is-Sibt 8 ta’ Jannar fit-8 p.m, ser jippreżentaw l-Oratorju Mużikali “Dawl jiddi dija – jismu l-Kbir Laurentius”.
Il-Kolleġġjata tal-Birgu tiġbor fiha ġrajja ta’ poplu li matul iż-żmien sawwar l-istorja ta’ pajjiż. Diversi kulturi ħallew il-marka tagħhom f’din il-Belt Rebbieħa, ġrajjiet li fihom tlifna u ġensna beka, imma hemm ġrajjiet ta’ ferħ u ta’ rebħ minsuġin fis-swar godlija tagħha, ġrajjiet illi sawru wkoll l-istorja ta’ dan il-pajjiż sovran. Il-Belt Vittoriosa ddedikata lil San Lawrenz Levita u Martri, l-ewwel parroċċa wara l-Knisja Katidrali tal-Imdina tiġbor fiha d-devozzjoni lejn id-Djaknu Martri ta’ Ruma. Dan il-qaddis għażiż kemm għall-Knisja Kattolika kif ukoll għal dik Ortodossa huwa punt komuni fiċ-ċelebrazzjoni bejn żewġ liturġiji li jiġbor il-kult Kristjan u miegħu jiġbor il-karità nisranija fis-sens kollu ta’ Djakonija u servizz ta’ qadi.
Mal-wasla f’Malta tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530, il-knisja ta’ San Lawrenz saret il-knisja Konventwali tagħhom u żgur din kienet għażla li tmur mal-għan u l-iskop tal-Ordni għas-servizz “tas-sinjuri tagħna l-morda” u l-foqra. Hekk għamel San Lawrenz, qassam u ta lill-foqra.
Dan l-Oratorju għandu lirika tal-kittieb u poeta Vittorjożan George Peresso u kompożizzjoni originali ta’ Andrew Lawrence Zarb, li ser ikun ukoll qed jidderieġi l-Orkestra. L-Oratorju jirrakkonta l-aħħar erbgħa t’ ijiem mill-ħajja ta’ San Lawrenz. L-Oratorju nibet fuq idea tar-Rev. Kan. Stephen Attard, Segretarju tal-Kapitlu. Infatti l-lirika ta’ dan l-Oratorju, ġiet ibbażata fuq l-innu Akatistos ta’ dan il-Qaddis Levita. L-Akatistos huma innijiet li ġejjin mit-tradizzjoni Biżantina fejn hemm għadd ta’ innijiet imsejħa akáthistos, jiġifieri innijiet li jitkantaw waqt illi l-fidili jibqgħu bilwieqfa.
L-ewwel parti ta’ dan l-Oratorju tiddeskrivi l-persekuzzjoni Rumana kontra l-ewwel insara u l-biża’ li kellu l-Imperatur Valerjanu minn San Lawrenz. Din ser tkun interpretata mit-Tenur stabbilit Charles Vincenti. Warajha tidħol it-tieni xena, ta’ meta Lorenzu ltaqa’ mal-Papa Sistu II, fejn ser tinstema aria mill-Baritonu magħruf Alfred Camilleri bħala Sistu II. Wara l-element tal-arrest ta’ Lorenzu, jinħass sens ta’ biża’ u inċertezza li jsib il-wens tiegħu f’ Matrona Pietatis, it-tielet tema, li ser tkun interpretata mis-sopran artistika Rosabelle Bianchi, fejn fil-melodija ħelwa tagħha tiddeskrivi l-virtujiet ta’ Laurentius.
Il-kompożitur Zarb imbagħad fir-raba’ xena jagħtina stampa tremenda tal-martirju bil-ħoss tan-nar iħeġġeġ, il-ħadid tal-gradilja, it-tbatija u dak li jġib miegħu martirju kiefer bħal dan.
Għalkemm il-martirju huwa element attroċi, minnu toħroġ melodija li tqanqal, kantata minn Roger Tirazona fil-karattru prinċipali ta’ Laurentius, kantant tenorili magħruf ferm fix-xena lokali. Isegwi hawnhekk, bl-Alelulia il-Kor Cappella Ceciliana, li ser ikun taħt id-direzzjoni tad-direttur Abraham D’ Amato. Wara l-Allelulia, t-temi jwassluna għall-Gran Final, li fih ser ikun hemm xi ħaġa oriġinali li sa issa għadha qatt ma ntużat f’ kompożizzjonijiet bħal dawn.
Ta’ min jghid ukoll, li bhala preludju għal dan l-Oratorju, ser jindaqqu wkoll tliet Antifoni ta’ San Lawrenz. L-Antifona ta’ Paolo Nani Levita Laurentius li nstabet fl-arkivju tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata, mill-kompożitur Andrew Lawrence Zarb, li daħal għall-biċċa xogħol illi jimla n-nieqes li kien fiha. Din l-antifona ser nerġgħu nisimugħha tirxoxta għal din l-okkażjoni wara ħafna snin minsija.
Ħa tindaqq ukoll l-Antifona ta’ Paolino Vasallo, li għal diversi snin kien il-Maestro di Cappella tal-Kolleggjata. Din l-Antifona hija magħrufa bħala Antifona di San Lorenzo per la Translazione. Din tindika biċ-ċar li kienet tindaqq fit-Translazzjoni tal-Festa. Finalment ser tindaqq l-Antifona Levita Laurentius li hija tant għal qalb il-poplu tal-Birgu, dik tal- Kanonku Luigi Fenech, li kien ukoll Kanonku effettiv fl-Istess Kolleġġjata.
Is-Serata ser titmexxa minn Joseph Chetcuti. Qabel jibda l-Oratorju, l-awtur stess, George Peresso, ser ikun qed jaghti taghrif dwar il-lirika ta’ l-istess Oratorju.
Din is-Serata Muzikali unika, tiġi fi tmiemha bl-Innu Popolari lil San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Mro. Lorenzo Galea. Id-dhul huwa bla ħlas. Ser jiġu osservati ir-regolamenti u restrizzjonijiet kollha marbuta mall-Covid 19.