Raġel Ta’ 28 Sena Sofra Ġrieħi Serji F’Inċident Tat-Traffiku Fin-Naxxar

Raġel ta’ 28 sena sofra ġrieħi gravi wara li tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat f’ħajt.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għal xi sitta ta’ filgħaxija, fi Triq San Pawl, in-Naxxar.
Il-Pulizija marret fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li raġel ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-vettura AUDI TT li kien qiegħed isuq u kellu mpatt ma’ ħajt.
Huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.