“Salvajna L-Aħħar Xhur Bil-Vaċċin. Irridu Nsalvaw Ix-Xitwa Bil-Booster” – Il-PM
“Fl-aħħar xhur kienu ħafna l-mumenti fejn ħajjet in-nies marret iktar qrib in-normal. U dan kollu għamilnih għax kellna l-vaċċin… Irridu nsalvaw ix-xitwa bil-booster.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio fejn spjega kif bħala Gvern jinsab iffukat biex jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba u fil-mument opportun f’kuntest ta’ poplu li qed jattakka l-virus bil-vaċċin daqskemm jiddefendi b’ċerti miżuri.
Il-Prim Ministru qal ukoll li fil-ħin li ġej, id-Deputat Prim Ministru u l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed iħabbru numru ta’ deċiżjonijiet maħsuba biex isaħħu r-relevanza tal-vaċċin, inkluż il-booster u biex filwaqt li nibqgħu kemm nistgħu qrib in-normalità nipproteġu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
“F’pajjiżna r-rata ta’ tilqim għall-booster għaddejja b’ritmu tajjeb, iżda jeħtieġ inħaffu iktar. Din ġirja mal-ħin. Nappella lil kull min ikun imissu biex japplika u fil-jiem li ġejjin se nkomplu niftħu l-etajiet ta’ min jista’ jmur għal booster.”
Ottimisti li nkomplu nirkupraw ekonomikament
“Aħna qed naraw li għas-sena d-dieħla pajjiżna mistenni jkompli jirkupra sew ekonomikament. Filwaqt li nifhmu li dan hu dipendenti wkoll fuq it-teħid tal-booster, madwar id-dinja hawn ċertu sfidi u sfidi kbar kawża tal-pandemija. Hawn inċertezza fejn jidħol vjaġġar, għandna kumpaniji li minkejja li għandhom ordnijiet b’saħħithom u qed jaħdmu qed isibu sfidi ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ ċerti affarijiet. U dan kollu qed jitfa’ ċertu pressjoni. Għalhekk bħala Kabinett il-ġimgħa li għaddiet iddeċidejna li jestendi l-għajnuna marbuta mal-wage supplement li kien se jispiċċa għal kollox fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.”
Apparti dan, il-Prim Ministru semma wkoll kif f’Ġunju li għadda ngħata l-proċess ta’ tapering għal dawk l-aktar milquta u fix-xhur li ġejjin se tkompli tiġi analizzata s-sitwazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna differenti jew aktar targeted.
“Fl-ekonomija bħas-saħħa, irridu nieħdu d-deċiżjonijiet immedjati. U l-ikbar deċiżjoni hi li nsalvaw ix-xogħol għax dak jagħti d-dinjità lill-familji u dak hu l-bażi ta’ ekonomija b’saħħitha…. U dan hu l-mod kif irridu ntemmu s-sena billi n-nies nagħtuhom ċans li jgawdu dawn iż-żminijiet b’serħan il-moħħ u l-konvinzjoni li għandhom ġejjieni aħjar bi gvern magħhom.”