Se Jitnieda Blueprint Għat-Tħaddir Fl-Urban Għal Malta U Protokoll Għaż-Żamma Tas-Siġar
Konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Ippjanar bl-isem, ‘Greening our Grey – Redefining Urban Spaces’, ġabet flimkien l-imsieħba ewlenin biex jikkontribwixxu għall-formulazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ blueprint għat-tħaddir urban f’pajjiżna.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia tkellem dwar il-ħtieġa li l-ippjanar jimxi lejn kunċetti aktar ekoloġiċi, peress li l-ispazji ħodor huma essenzjali għall-benesseri tas-soċjetà. Huwa qal li jekk jiġu ppjanati, iddisinjati u żviluppati sew, miż-żoni urbani ħodor se jibbenefikaw ħafna l-ambjent, is-saħħa, l-ekonomija u l-ekosistema urbana tagħna biex jagħmluha aktar reżiljenti għall-isfidi klimatiċi.
Il-Ministru Farrugia ħabbar li għal dan l-għan se titwaqqaf struttura ġdida għall-imsieħba ewlenin biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-blueprint. Din l-istruttura se tieħu post l-Intelligent Planning Consultative Forum wara li dan il-forum jippreżenta r-riżultati tiegħu. Se jiġi ppubblikat ukoll protokoll għat-tħawwil u għall-manutenzjoni tas-siġar, żviluppat mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Il-konferenza dwar is-suġġett bdiet b’diskussjoni wiesgħa dwar l-immaniġġjar tal-ambjent urban ta’ pajjiżna. Ġiet diskussa l-idea li, permezz tal-urban greening, nistgħu ndawru l-viżjoni tagħna taż-żoni urbani milli jkunu spazji li primarjament jipprovdu żoni għall-iżvilupp strutturali għal postijiet li jistgħu jitgawdew mill-pubbliku li minnhom jibbenifikaw is-saħħa fiżika tagħna, il-kwalità tal-ambjent u l-kompetittività ekonomika tal-pajjiż f’dinja li qed tinbidel.
Il-Ministru Farrugia qal li l-viżjoni tal-gvern lejn infrastruttura aktar ekoloġika diġà bdiet tiġi implimentata hekk kif diġà bdew għadd ta’ proġetti kbar ta’ tħaddir fl-urban, fosthom proġetti tal-GreenServ fil-Mosta, fil-Ħamrun, f’Ħal Qormi u f’Ħaż-Żabbar b’baġit ta’ aktar minn miljun ewro kull wieħed, b’enfasi fuq il-benefiċċji ambjentali li dawn il-proġetti se joħolqu għar-residenti tal-madwar. Bdew ukoll xogħlijiet fuq ġonna eżistenti bħal Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, Ġnien Belvedere fil-Marsa u Ġnien Spencer fil-Marsa permezz ta’ investiment ta’ iktar minn €4 miljun. Għadd ta’ ġonna vertikali u soqfa ħodor qed jiġu installati madwar il-pajjiż. Id-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar stess ġie riformat biex jinkoraġġixxi aktar proġetti ħodor, u din is-sena, ġew iffirmati ftehimiet għal kważi €5 miljuni ta’ proġetti.
“Il-konferenza tal-lum isservi bħala pjattaforma għall-imsieħba ewlenin biex isemmgħu leħinhom u joħorġu b’ideat dwar il-politika tagħna dwar it-tħaddir urban. Ma nistgħux niddependu aktar fuq l-inizjattiva individwali ta’ żviluppatur jew ieħor, jew ta’ entità governattiva jew oħra biex niżguraw li jkollna ambjent aktar ħadrani fiż-żoni l-aktar popolati. Huwa għalhekk li qed noħolqu pjan ċar li jiggwida d-deċiżjonijiet biex uliedna jkunu jistgħu jgawdu kwalità ta’ ħajja aħjar. Wara kollox, l-aktar responsabbiltà importanti li għandna hi li nassiguraw li noħolqu pajjiż saħansitra aħjar għal uliedna,” qal il-Ministru Farrugia.
Dr Antoine Zammit, Perit u Disinjatur Urban, Lettur tad-Disinn fl-Ispacial Planning, Disinn Urban u Governanza Urbana, indirizza lill-parteċipanti u tkellem dwar green infrastructure fil-promozzjoni tat-tħaddir urban.