Siġra Tal-Milied Magħmula B’Aktar Minn 8,000 Flixkun Tal-Plastik F’Għawdex

 Siġra Tal-Milied Magħmula B’Aktar Minn 8,000 Flixkun Tal-Plastik F’Għawdex

Il-Ħadd li għadda fil-Fontana, Għawdex ittellgħet l-attività ‘Fontana goes Festive this Christmas with a Plastic Bottle Tree’. Din l-attivita kienet organizzata mill-Għaqda Armar Fontana bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

L-attrazzjoni prinċipali kienet is-Siġra tal-Milied ġiet maħduma minn fliexken tal-plastik li nġabru mingħand ir-residenti tal-Fontana wara s-sejħa li l-Għaqda Armar Fontana għamlet aktar kmieni f’ Ottubru 2021. Is-siġra tal-Milied hi twila 12-il metru inkluż l-istilla u nxtegħlet b’sistema ta dawl LED. L-għan ewlieni ta’ din l-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività huwa li l-pubbliku ġenerali, inkluż it-tfal, ikun aktar konxju mill-effetti irreparabbli li jħalli l-plastik jekk dan jintrema kif ġie ġie kemm fil-baħar u kemm fl-art.

Ta’ min isemmi wkoll li mas-siġra tal-Milied twaħħlu xi messaġġi biex jingħata aktar tagħrif fuq l-effetti li l-plastik qed iħalli fl-ibħra u l-art fil-gżejjer Maltin.

L-Għaqda Armar Fontana għamlet sejħa lit-tfal kollha tal-lokalità tal-Fontana u anke lil tfal li joqogħdu barra r-raħal tal-Fontana biex ipittru xi pittura jew krafts li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-suġġett, magħmula minn materjal użat u riċiklabbli. It-tfal ġabu l-pittura tagħhom waqt din l-attività u ppreżentawha lil Santa Klaws. Il-parteċipanti ngħataw ċertifikat tal-parteċipazzjoni. Matul din l-attività t-tfal kellhom l-opportunità li jieħdu ritratt ma’ Santa Klaws fil-workshop tiegħu li nbena apposta għal din l-attività minn materjal użat u riċiklabbli.

Din is-siġra se tibqa’ tinxtegħel sal-Festa tal-Epifanija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com