Studju F’Malta Juri Li 56% Tal-Persuni Ħadu L-Virus U Lanqas Kienu Jafu
Studju li sar f’Malta juri kif tnejn minn kull tlieta infettati bil-virus ma wrew l-ebda sintomi tal-Covid-19.
Spjega dan il-Professur Christian Scerri waqt il-programm TVAM li jixxandar fuq TVMNEWS+. Huwa spjega kif dan l-istudju ‘CovPlex’ analizza mal-4,000 kampjun fi żmien meta l-varjanti Delta u Alpha kienu l-aktar komuni.
Dan l-istudju sar fuq persuni kemm morda bil-Covid, kemm mlaqqma kif ukoll oħrajn li qatt ma ġew infettati bil-virus.
Il-Professur Scerri spjega li 56% tan-nies li ġew ittestjati kellhom l-antibodies kontra l-virus, jiġifieri kienu ħadu l-virus u lanqas kienu jafu. “Dak ifisser kważi tnejn minn kull tlieta li kienu qed infettati f’Malta ma kellhomx sintomi.”
Huwa temm jgħid li jekk l-istudju jsir bħalissa jaf isib iktar persuni morda bil-Covid u m’għandhomx sintomi. Dan minħabba li għandna rata għolja ta’ tilqim u għalhekk ħafna persuni li huma pożittivi bil-virus huma bla sintomi.
Ritratt: politico.eu