Taħriġ Speċjalizzat Fl-Ewwel Għajnuna Lil Madwar 300 Pulizija

 Taħriġ Speċjalizzat Fl-Ewwel Għajnuna Lil Madwar 300 Pulizija

Madwar 300 Pulizija minn diversi sezzjonijiet, fl-aħħar ġimgħat ingħataw taħriġ speċjalizzat dwar l-ewwel għajnuna. Dan il-proġett, li kien ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, sar mill-Malta Cadet Corps u jagħmel parti mill-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija (2020-2025).

Fi stqarrija ġie spjegat kif il-Pulizija ngħataw taħriġ ta’ livell għoli meta jiltaqgħu ma’ każijiet, fejn, jew il-Pulizija stess, jew inkella vittmi pajżana jkunu qegħdin isofru minn feriti kkawżati minn daqqa ta’ sikkina, jew inkella minn feriti kkawżati minn tir, kif ukoll ingħataw taħriġ dwar kif għandhom jassistu lill-vittmi jekk ikunu qegħdin jitilfu ammont kbir ta’ demm, sakemm fuq il-post tasal l-assistenza medika.

Minbarra t-taħriġ, inxtraw ukoll numru ta’ ‘kits’ speċjalizzati magħrufa bħala IFAK, li fihom materjal essenzjali iddisinjat biex ikopru feriti serji kif imsemmija. Dawn il-‘kits’ faċilment jistgħu jinġarru fil-vetturi tas-servizz kif ukoll fuq il-Pulizija meta jkun hemm bżonn li jintużaw.

Fi tmiem il-proġett, f’laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, is-Sur Etienne Micallef f’isem il-Malta Cadet Corps spjega l-importanza ta’ dan it-taħriġ speċjalizzat u kif se jkun utli ħafna għall-ħidma tal-membri tal-Korp. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Gafà qal li qatt daqs illum, il-Korp tal-Pulizija qiegħed jagħti importanza fl-ewwel għajnuna.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija, is-Sinjura Stefania Sgandurra u s-Sur Nico Zarb mill-Uffiċju tal-Proġetti tal-Korp tal-Pulizija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com