Tidħol Fis-Seħħ Il-Liġi L-Ġdida Li Tirregola L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

 Tidħol Fis-Seħħ Il-Liġi L-Ġdida Li Tirregola L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

Mill-bieraħ daħlet fis-seħħ il-liġi li twaqqaf l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis u li ġew emendati diversi liġijiet fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet relatati mal-kannabis.

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, Riċerka u l-Innovazzjoni qal li b’din il-liġi se tidħol fis-seħħ riforma b’saħħitha dwar il-mod ta’ kif is-soċjetà tħares lejn u tittratta ċittadini li jagħmlu użu responsabbli tal-kannabis, waqt li tattakka t-traffikar illegali u toħloq qafas regolatorju li jipproteġi lill-minuri u lis-soċjetà in ġenerali.

Fi stqarrija intqal li l-Gvern dejjem iħeġġeġ lil dak li jkun li jagħmel l-aħjar għażliet għall-benesseri tiegħu jew tagħha u kien, għadu u se jibqa’ jinvesti fi programmi ta’ prevenzjoni mill-abbuż tas-sustanzi kollha u l-vizzji. Fl-istess waqt, il-Gvern qal li ħass il-ħtieġa li jirrispondi għar-realtajiet ta’ madwarna b’mod li dawk l-adulti li jagħżlu li jagħmlu użu mill-kannabis f’ammonti żgħar ma jibqgħux jgħaddu mit-tbatija u mill-umiljazzjoni li jġibu magħhom l-arresti u l-proċeduri quddiem it-tribunali jew il-qrati.

Permezz ta’ din il-liġi, se jiġu attakkati b’mod ċar u effettiv iċ-ċrieki tat-traffikar tal-kannabis, il-black market u l-kriminalità li hija assoċjata magħhom.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fakkar li r-riforma rigward l-użu responsabbli tal-kannabis issegwi wegħda elettorali u proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li laħaq il-qofol tiegħu f’Marzu li għadda bit-tnedija ta’ White Paper u laqgħat ma’ diversi stakeholders fi proċess li kien attira 350 sottomissjoni.

“Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi robusta u b’saħħitha huwa ċertifikat pożittiv ieħor ta’ kemm dan il-gvern ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi billi jimplimenta riformi għaqlin u bla preċedent biex iwettaq il-bidla u l-ġustizzja soċjali fl-aħjar interess tas-soċjetà kollha kemm hi”, qal Dr Bonnici.​

Ritratt: Reuters

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com