Titnieda L-Kampanja Biex Jekk Se Tixrob Ma Ssuqx Flimkien Mal-Grupp The Travellers

 Titnieda L-Kampanja Biex Jekk Se Tixrob Ma Ssuqx Flimkien Mal-Grupp The Travellers

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg nieda l-kampanja għal żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, biex jekk se tkun qed tixrob ma ssuqx, flimkien mal-grupp The Travellers. Din hi kampanja li tinħadem mill-Awtorità Transport Malta u l-Malta Road Safety Council.

Is-slogan magħżul għal din is-sena huwa ‘Tħallix jum jgħaddi mimli dmugħ. Jekk se tixrob issuqx!’

Il-Ministru Ian Borg beda billi qal li dan il-messaġġ hu wieħed li japplika matul is-sena kollha, iżda b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ festi fejn wieħed ikollu aktar stediniet u ċelebrazzjonijiet, u għalhekk jeħtieġ li fit-toroq ikun hemm aktar sens ta’ responsabbiltà u altruiżmu sabiex jiġu evitati inċidenti.

“F’dawn iż-żminijiet, fejn wieħed forsi jixrob ftit aktar, inħeġġu lin-nies biex jużaw modi alternattivi ta’ trasport bħal taxis, vannijiet u trasport pubbliku biex nevitaw inċidenti u diżgrazzji. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil dawk in-nies kollha tas-servizz li jaqdu d-dmir tagħhom sabiex jiżguraw li t-toroq ta’ pajjiżna jkunu siguri f’dawn iż-żminijiet, u nfakkar li dawn l-istess nies għandhom familja wkoll u għalhekk importanti li nuru r-rispett tagħna lejhom.”

Din is-sena, il-kampanja nħadmet flimkien mal-grupp popolari The Travellers, li rrekordja diska bl-isem ‘Siġġu Vojt’ li fiha messaġġ b’saħħtu ħafna. Id-diska tirrakkonta storja ta’ qsim il-qalb dwar il-konsegwenzi ta’ meta xi ħadd isuq taħt l-influwenza tax-xorb jew ta’ sustanzi oħrajn.

Matul Diċembru, l-awtorità Transport Malta se tkun qed tippubblika filmat qasir u anke kampanja edukattiva li se jintwerew kemm fuq il-mezzi soċjali kif ukoll fuq it-televiżjoni lokali. Kull membru tal-grupp mużikali The Travellers se jgħaddi messaġġ permezz ta’ avviżi fuq ir-radju, sabiex flimkien inkomplu nħeġġu biex ħadd ma jsuq taħt l-influwenza tax-xorb. Dawn il-messaġġi se jkunu wkoll fuq il-monitors diġitali fit-toroq.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com