Varat L-ESG Portal – Il-Pubbliku Se Jkun Jista’ Jara L-Livell Ta’ Sostenibbiltà Fost Kumpaniji Maltin
Għall-ewwel darba, Malta qiedgħa tvara l-ESG portal, inizjattiva mmexxija mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli li biha l-pubbliku jkun jista’ jevalwa l-kredenzjali ambjentali, soċjali u ta’ governanza ta’ fost l-akbar kumpaniji f’Malta u Għawdex.
Dawn il-kumpaniji huma kwotati fuq il-Borża ta’ Malta u l-kredenzjali ta’ ESG tagħhom huma aċċessibbli mis-sit elettroniku https://sustainabledevelopment.gov.mt/esg/.
Bl-ESG portal, investituri Maltin u barranin se jkollhom l-opportunità li jaraw liema huma dawk il-kumpaniji li l-aktar qed jagħtu importanza lill-prinċipji ta’ ESG. Hekk kif l-investituri qed iħarsu aktar lejn dawn il-kredenzjali għall-investimenti tagħhom, din il-pjattaforma se tgħin timbotta ’l quddiem investimenti sostenibbli.
Matul it-tnedija ta’ dan il-portal, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif l-informazzjoni miġbura sa issa turi li aktar kemm kumpanija tinvesti f’operat sostenibbli, aktar l-investiment irendi. 80% tal-kumpaniji kwotati fuq il-Borża ta’ Malta pparteċipaw f’dan il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Dawn il-kumpaniji għandhom valur kollettiv ta’ kważi €3 biljun.
Mill-informazzjoni miġbura deher li dawn il-kumpaniji pproduċew 34% inqas emissjonijiet f’dawn l-aħħar tliet snin, filwaqt li kkonsmaw nofs l-ammont ta’ ilma. L-iskart iġġenerat minn dawn il-kumpaniji fl-operazzjonijiet tagħhom naqas bi 80%. Dan għax adottaw prattiċi sostenibbli.
“Grazzi għall-ESG portal, nistgħu naraw ukoll kemm dawn il-kumpaniji qed jimpjegaw nisa f’livelli għolja. Fil-fatt, il-medja ta’ nisa fil-bordijiet hija ta’ anqas minn 10% u teżisti gender pay gap ta’ kważi 12%. Ħareġ ċar li dawk il-kumpaniji li marru tajjeb fl-aħħar snin huma dawk li għandhom livell aktar għoli ta’ diversità fil-ġeneru f’senior management u gender pay gap baxx ħafna,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
It-tnedija tal-ESG portal u d-direttiva ġew diskussa waqt konferenza mtella’ mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Malta Enterprise, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija ekonomika.
Ritratt: DOI