“Vidjows Qosra Dwar Is-Sigurtà Fit-Toroq Għandhom Jitneħħew Minħabba Sterjotipi” – NCPE
Inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għal vidjows qosra maħruġa mill-MAPFRE Middlesea u l-Malta Public Transport – bħala parti minn kampanja edukattiva dwar is-sigurtà fit-toroq – li rċevew akkużi ta’ razziżmu, liem akkużi ġew miċħuda pubblikament u kategorikament miż-żewġ kumpaniji.
Fi stqarrija, intqal li l-NCPE rat dawn il-vidjows qosra u identifikat kemm sterjotipi abbażi tar-razza kif ukoll sterjotipi abbażi tal-ġeneru. Għalkemm il-karattri fil-vidjos għandhom l-għamla ta’ cartoons, l-istorja fihom xorta waħda turi dawn il-karattri bħala persuni ta’ razez differenti permezz tal-użu ta’ kuluri tal-ġilda u tipi ta’ xagħar speċifiċi, fejn il-persuni suwed huma rappreżentati b’mod negattiv. Barra minn dan, in-nisa u l-irġiel huma wkoll rappreżentati fi rwoli tal-ġeneru sterjotipati, kemm fid-dar u barra minnha.
Filwaqt li nagħrfu li l-isterjotipi f’dawn il-vidjows setgħu ma kienux intenzjonati, l-NCPE – bħala l-entità nazzjonali responsabbli mill-ugwaljanza mwaqqfa minn KAP. 456 tal-liġijiet ta’ Malta – tgħid li l-kumpaniji għandhom jiżguraw li l-materjal li joħorġu jkun ħieles minn sterjotipi razzisti u sessiti sabiex ma jkattrux il-preġudizzju u l-inugwaljanza fis-soċjetà.
Fid-dawl tar-rappreżentazzjoni problematika tagħhom tal-ġeneru u tar-razza, l-NCPE qed tistenna li dawn il-vidjows qosra jitneħħew.
L-istqarrija temmet għid li kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra jistgħu jitolbu għall-għajnuna u taħriġ mill-NCPE dwar kwistjonijiet marbutin mal-ugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-fastidju.