50% Tal-Ewwel Fażi Tal-Grand Harbour Clean Air Project Hija Lesta
Waqt żjara fejn ġew segwiti x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-proġett tal-Grand Harbour Clean Air Project, il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li 50% tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett issa huwa lest.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg semma kif fl-aħħar sitt xhur l-aġenzija Infrastructure Malta bniet iż-żewġ frequency converters li jinsabu fil-Marsa u l-Isla, li se jkunu qed jintroduċu s-sistema shore-to-ship fil-Port il-Kbir.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “Dan hu proġett ambizzjuż ħafna fejn, permezz tiegħu, apparti li se nkunu qed nilħqu għanijiet ambjentali b’konformità ma’ direttivi Ewropej, se nkunu anke qed insolvu bosta problemi oħra kkawżati mit-tniġġis tal-arja bħal fosthom problemi ta’ saħħa bħal mard respiratorju. Bi tnaqqis sostanzjali ta’ 90% fit-tniġġis tal-arja, madwar 17,000 familja se jkunu qed jibbenefikaw minn arja aktar nadifa. Huwa indikat li permezz ta’ dan il-proġett, fi żmien 20 sena, pajjiżna se jkun qed jiffranka mat-€375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis tal-arja.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li €21.9 miljun qed jiġu ffinanzjati b’fondi Ewropej mill-fond Connecting Europe Facility. Huwa qal kif dawn huma fondi addizzjonali minn dak il-pakkett li kien hemm allokat għal Malta. Dan il-proġett huwa innovattiv u fil-fatt huwa wieħed minn tal-ewwel f’portijiet oħra ta’ stati membri tal-UE.
Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda jgħid li, “Dan il-proġett huwa bla dubju proġett ieħor ta’ siwi ambjentali sostanzjali fil-kullana ta’ proġetti li twettqu fl-inħawi tal-Port il-Kbir biex intejbu l-ħajja tan-nies li jgħixu fl-inħawi u fin-nofsinhar tal-pajjiż b’mod inġenerali.”
Infrastructure Malta qed tibni wkoll żewġ stazzjonijiet iżgħar mal-moll f’Pinto Wharf sabiex iżżomm l-apparat meħtieġ li se jqabbad il-cruise liners man-network tal-elettriku l-ġdid tal-proġett. Fil-ħidma li se tkun qed issir fix-xhur li ġejjin, dawn l-istazzjonijiet se jkunu mgħammra bi 18-il transformer, erba’ frequency converters u 71 switchgear units.
Ritratti: DOI