Aġġornat: Abner Aquilina Jinżamm Arrestat – Iwieġeb Mhux Ħati Tal-Akkużi

 Aġġornat: Abner Aquilina Jinżamm Arrestat – Iwieġeb Mhux Ħati Tal-Akkużi

Abner Aquilina, ta’ 20 sena miż-Żejtun li jaħdem bħala skrivan, illejla tressaq il-Qorti taħt arrest, b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska ta’ 29 sena fi Ġnien Indipendenza tas-Sliema, nhar il-Ħadd 2 ta’ Jannar li għadda.

Aquilina tressaq mis-Supretendent Keith Arnaud, l-Ispetturi Jonathan Ransley, Shawn Pawney u Wayne Camilleri. Kien l-Ispettur Ransley li qara l-akkużi quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

Huwa ġie mixli bl-istupru u l-qtil ta’ Dembska, ġie akkużat ukoll li fl-istess ġurnata kiser il-bon ordni fil-Knisja tal-Balluta, f’Tas-Sliema. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi mressqa kontrih.

L-Ispettur Ransley qal li l-Pulizija kienu nfurmati li kien hemm katavru fi Triq it-Torri u li kien hemm persuna li kien ittieħed fil-poliklinika tal-Floriana għal xi grif u ġrieħi li kellu. Aquilina beda jgħid xi diskors u spiċċa arrestat u wara ttieħed l-isptar Monte Carmeli.

L-Ispettur kompla jgħid li mill-mistoqsijiet li għamlitlu l-Pulizija u mit-tweġibiet li huwa ta, l-Pulizija fehmet mill-ewwel li kien hu li kkommetta d-delitt.

Id-Difiża talbet biex l-akkużat jinżamm fil-Forensic Unit ġewwa l-Isptar Monte Carmeli, minflok fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-prosekuzzjoni qalet li din id-deċiżjoni għandha ttieħed fuq rakkomandazzjoni tat-tabib tal-ħabs.

Wara li l-Qorti semgħat sottomissjonijiet kollha, iddeċidiet li Abner Aquilina għandu jinżamm arrestat u saħqet li mill-aktar fis possibbli għandu jiġi eżaminat, u abbazi t’hekk id-direttur tal-ħabs jiddeċiedi fejn għandu jinżamm is-suspettat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com