Alfred Sant Jistaqsi Jekk Il-Monopolji Diġitali Globali Għandhomx Jinqasmu F’Unitajiet Iżgħar Biex Tiġi Żgurata Regolamentazzjoni Aħjar

 Alfred Sant Jistaqsi Jekk Il-Monopolji Diġitali Globali Għandhomx Jinqasmu F’Unitajiet Iżgħar Biex Tiġi Żgurata Regolamentazzjoni Aħjar

Fl-intervent tiegħu waqt sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), l-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tas-S&D fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant stqarr li l-għanijiet l-aktar importanti tar-regolament tad-DSA huma li jipprovdu liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea b’aċċess aktar sigur u aktar trasparenti għal pjattaformi online. Huwa kien qed jirrappreżenta lill-grupp tas-S&D bħala r-rapporteur tagħhom għall-Opinjoni tal-ECON dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-ħidma tiegħu tikkonċerna primarjament l-aspetti makroekonomiċi u tal-kompetizzjoni.

Ir-regoli diġitali stabbiliti fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jipproteġu kemm lill-konsumaturi kif ukoll liċ-ċittadini. L-għan ewlieni wara l-vot tad-DSA huwa li taffaċċja data llegali u tiżgura li l-pjattaformi online huma responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-DSA għandha l-ħsieb li tnaqqas it-tixrid ta’ informazzjoni falza u tagħti spinta wkoll il-moderazzjoni tal-kontenut.

“Kif kien mistenni, il-proċess biex jintlaħaq ftehim fil-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni wera li kien diffiċli u l-kompromessi li ntlaħqu ma pprovdewx tweġiba dejjiema għall-mistoqsijiet pendenti kollha,” qal Sant. Fid-dawl ta’ dan, l-MPE Laburista enfasizza li “din il-leġiżlazzjoni għalhekk għandha titqies bħala pass kruċjali ta’ xogħol li qed isir”.

Sant irrimarka li ċerti kwistjonijiet tekniċi u politiċi żgur li se jeħtieġu aktar konsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, enfasizza l-ħtieġa ta’ verifika kontinwa ta’ kif il-fornituri tas-servizzi diġitali jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Madanakollu, huwa saħaq li kumpaniji tal-kontijiet (accounts) u kumpaniji legali m’għandhomx awtomatikament jitqiesu bħala kompetenti għall-finijiet tal-awditjar taħt id-DSA.

Sant issuġġerixxa li għandu jkun hemm xi definizzjoni ta’ standards professjonali biex jiġi żgurat li l-awdituri taħt ir-reġim tad-DSA jkunu tajbin għal dan l-iskop. Lil hinn minn dan, huwa esprima dubju dwar ir-rwol li se jkun qed ikollhom l-awtoritajiet finanzjarji u tal-kompetizzjoni fil-mekkaniżmu l-ġdid.

Fl-aħħarnett Sant poġġa mistoqsija strateġika usa’ – Wasal iż-żmien li l-monopolji globali jinqasmu f’unitajiet iżgħar biex jiġi żgurat li ma jxekklux u jbaxxu r-regolamenti? huwa staqsa.

Ir-rapport dwar il-proposta tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) ġie adottat b’530 vot favur, 78 kontra u 80 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com