Anzjani Jista’ Jkollhom Għajnuna F’Darhom B’Sussidju Mill-Gvern
Fil-Baġit għal din is-sena, il-Gvern alloka €2.75 miljun għall-iskema Home Helper of Your Choice, żieda ta’€250,000 fuq is-sena li għaddiet.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega li sal-aħħar tas-sena 2021, min kien qed jieħu s-servizz taħt din l-iskema kien jirċievi sussidju ta’ €5.50 għal kull siegħa. Permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, dan is-sussidju żdied għal €7.00 kull siegħa.
B’din l-iskema, il-klijenti li għandhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar approvat, jistgħu jsibu helper privata tal-għażla tagħhom fil-ħin u l-ġurnata konvenjenti għalihom. Din hija skema ta’ sussidju mnedija f’Jannar tal-2020 mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Fil-preżent hemm 53 residenza b’total ta’ 85 persuna li qed jibbenefikaw minn din l-iskema, total ta’ 114-il siegħa fil-ġimgħa bi spiża ta’ €798 fil-ġimgħa, li jammontaw għal €41,496 fis-sena.
Il-Ministru Michael Farrugia qal ukoll li min jagħżel li jieħu din l-iskema, ikun eżentat milli jħallas il-kontribuzzjoni li bħalissa tiġi mnaqqsa mill-pensjoni tal-benefiċċjarji ta’ dan is-servizz.
Huwa qal li dan il-Baġit se jkompli jibni fuq id-diversi inizjattivi li ddaħħlu fl-aħħar tmien snin. Fakkar li matul il-Baġit għal din is-sena, il-gvern alloka wkoll €3.5 miljun għall-iskema Carer at Home, skema li, permezz tagħha, anzjani jingħataw għajnuna finanzjarja biex jimpjegaw carers kwalifikati tal-għażla tagħhom biex jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom fid-dar privata; dan bla ma jitilfu d-dritt li jibbenefikaw minn servizzi addizzjonali offruti mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Dwar l-iskema Home Helper of Your Choice, il-Ministru Michael Farrugia qal li din tista’ tkun persuna ta’ fiduċja, xi ħadd familjari, jew persuna professjonali li toffri servizz ta’ tindif fid-djar. Il-helper ma tistax tkun persuna li tgħix fl-istess residenza u trid tkun irreġistrata skont il-liġi ta’ Malta. Il-klijenti jistgħu wkoll iqabbdu kumpanija privata tat-tindif biex tipprovdi l-helper.