Aqra L-Messaġġ Tal-Kap Tal-Opożizzjoni Għas-Sena L-Ġdida

 Aqra L-Messaġġ Tal-Kap Tal-Opożizzjoni Għas-Sena L-Ġdida

“Hekk kif inħarsu lejn is-sena li għaddiet l-ewwel ħsieb tiegħi jmur għal dawk li ġarrew jew għadhom iġorru t-toqol tal-pandemija. Tlifna aktar minn erba’ mija u sebgħin persuna, aktar minn erba’ mija u sebgħin ħajja prezzjuża maħtufa qabel iż-żmien, dawn huma fost ħutna, missirijietna, ommijietna – vittmi ta’ pandemija li niżżlet lid-dinja għarkupptejha. Hemm eluf li naqsilhom il-livell ta’ għajxien jew kwalità ta’ ħajja tagħhom. Ħaddiema li niżlu għal 4 day week, self-employed li spiċċaw bla dħul għal xhur sħaħ, ġenituri, għalliema u studenti li għexu l-ansjetà tal-home schooling, negozji li waslu f’xifer il-falliment u oħrajn li ċedew u kellhom jagħlqu l-bibien.

Aħna magħkom ilkoll. Aħna ngħixu magħkom din it-tbatija u rridu naraw li pajjiżna jieqaf magħkom, mhux biss billi nkunu aktar kawti u bil-għaqal kif naffrontaw din il-pandemija iżda wkoll billi bħala nazzjon, nirrikonoxxu s-sagrifiċċji ta’ dawk fuq quddiem ta’ din il-battalja – dawk li qed jikkurawna u jieħdu ħsiebna fl-ITU, fil-wards, fid-djar tal-anzjani, fit-testing centres u mat-telefon jgħinu biex titrażżan il-firxa tal-pandemija.

Sena ġdida hija wkoll okkażjoni biex nitjiebu, biex nibdlu dak li stajna għamilna aħjar fl-aħħar sena u nibnu fuq dak li huwa tajjeb.

Ħafna minna f’dawn iż-żminijiet jagħmlu xi tip ta’ riżoluzzjoni jew impenn biex intejbu. Ta’ spiss nimpenjaw ruħna li ntejbu xi aspett ta’ ħajjitna.

Din is-sena l-ġdida bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se nkun qed nitlob il-fiduċja tiegħek biex flimkien immexxu l-pajjiż ’il quddiem. Illum nixtieq nagħmel wegħda miegħek, impenn bejn tnejn.

Naħseb li aħna t-tnejn naqblu li pajjiżna jista’ jkun aħjar milli huwa bħalissa. Jiena nemmen b’saħħa li rridu nistinkaw biex dejjem inkunu aħjar. Ejja naħdmu flimkien biex dan it-twemmin inwettquh!

Irridu nkomplu nibnu fuq il-bżulija, fuq il-qalb tajba, fuq il-ħniena li dejjem urejna ma’ xulxin.

Naħseb li aħna t-tnejn irridu Malta li tassew tippremja l-bżulija u x-xogħol onest. Dan irid ikun il-pedament ta’ kollox. Li min jistinka jasal u min għandu idea tajba iżda m’għandux il-mezzi biex jasal ngħinuh biex iwettaqha.

Iva, aħna t-tnejn nistgħu nimpenjaw ruħna biex flimkien nagħtu aktar valur u dinjità lil kull wieħed u waħda minna. Inti u jiena t-tnejn nemmnu li pajjiżna jinħtieġlu jagħti aktar valur lis-sewwa u jrażżan lil min jisfrutta l-ħaddiem jew min jabbuża minn ħaddieħor jew mill-awtorità li għandu. Lil min jonqos li jagħmel dak li għandu d-dmir li jwettaq.

Jiena rrid li x-xogħol ta’ kull wieħed  minna jkun valorizzat u stmat. Irrid fuq kollox li pajjiżna jinvesti b’saħħa biex ix-xogħol tiegħek għada jitħallas aktar milli qed jitħallas illum – dan nagħmluh biss jekk il-ħiliet tiegħek ikomplu jiżdiedu – jekk inti tkompli ttejjeb il-qagħda tiegħek.

Qegħdin fuq l-għatba ta’ revoluzzjoni diġitali. L-użu dejjem akbar u aktar effiċjenti tal-intelliġenza artifiċjali, sistemi msejsa dejjem aktar fuq il-kompjuter u r-robotika għandhom joffrulna l-opportunità li nrawmu ħaddiema b’għarfien akbar tat-teknoloġija diġitali. Irridu ninvestu b’għaqal u direzzjoni biex aktar ħaddiema jkunu tassew jistgħu javvanzaw f’dan il-qasam.

Hemm bżonn ukoll nagħtu aktar valur lill-impjiegi u professjonijiet bħalma huma l-edukaturi, l-infermiera u l-impjiegi kollha tekniċi li mingħajrhom ebda soċjetà moderna msejsa fuq ix-xogħol u fuq ir-riżorsa umana ma tista’ tkompli tikber u tissaħħaħ. Poplu aktar ħawtiel, b’saħħtu u ppreparat ikompli jkebbes ekonomija soda li tikber u li tattira l-investiment u x-xogħol.

Meta nibżgħu għar-riżorsi u l-flus tal-poplu tagħna nkunu nistgħu nużawhom b’aktar għaqal u responsabbiltà biex inwieżnu l-ħaddiema, l-anzjani tagħna, il-frontliners.  Innaqqsu l-piż tat-taxxa fuqek, innaqqsu l-VAT fuq ir-restoranti u nagħtu lura l-flus li nsterqulek mill-kont tad-dawl u ilma tiegħek.

Is-sena li ġejja rridu nwelldu tama ġdida. Tama li lkoll inkunu aktar b’saħħitna, li pajjiżna jibda jirpilja, li nibdew nieħdu lura l-isem li pajjiżna dejjem kellu, tama li inti tirnexxi aħjar u miegħek jirnexxu Malta u Għawdex.

Jiena lest inkompli nagħmel ħilti biex dan l-impenn tagħna nwettquh flimkien – għandi bżonnok ukoll – hawn postok ukoll f’din il-Malta aħjar għalina lkoll.

Flimkien nistgħu nwettqu l-ambizzjonijiet tiegħek. Naħdmu għal ambjent aktar nadif u tajjeb għalik u għall-familja tiegħek.

F’idejk għandek il-muftieħ għal ġejjieni aħjar. Ejjew inwettquh flimkien.

Nawgura lilek u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu Sena tajba. Sena aħjar. Sena ta’ fejda, sliem, saħħa u prosperità ġdida.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com