Ara: Il-Miżuri Kollha Fid-Dettall Li Ħabbar Id-DPM Chris Fearne Llum

 Ara: Il-Miżuri Kollha Fid-Dettall Li Ħabbar Id-DPM Chris Fearne Llum

Waqt konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li peress li żewġ terzi tal-popolazzjoni rċivew il-booster, min-nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 se jkunu rilaxxati numru ta’ miżuri restrittivi. Ewlenija fosthom it-tneħħija tal-obbligu li tintlibes il-maskra fit-triq għal persuni li rċivew il-booster. Dan sakemm ma jkunx hemm iżjed minn żewġ persuni mexjin flimkien bla maskra.

Min-nhar it-Tnejn, l-avvenimenti sportivi jistgħu jilqgħu mill-ġdid lill-ispettaturi li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu.

Ir-restrizzjonijiet fir-ristoranti u barijiet se jonqsu wkoll, fid-dawl li min-nhar it-Tnejn, dawn il-postijiet jistgħu jaċċettaw klijenti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin validu biss. Għaldaqstant, dan se jippermetti li jonqsu d-distanzi bejn l-imwejjed u jerġgħu jidħlu fis-seħħ id-distanzi minimi stabbiliti mil-liċenzji tal-istabblimenti rispettivi.

Dwar din il-miżura, id-Deputat Prim Ministru spjega l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jkunu eżentati milli jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin validu sabiex jidħlu fir-ristoranti, barijiet, każini, snack bars, clubs, swali taċ-ċinema, teatru, casinos, bingo halls, u gaming parlours, gyms u ċentri tal-fitness, pools, spas u saunas. Dawn huma: nisa fl-ewwel tliet xhur tat-tqala tagħhom, persuni eżentati fuq bażi medika mill-Uffiċċju tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, tfal ta’ taħt it-18-il sena (li għandhom juru ċ-ċertifikat b’żewġ dożi fil-każ ta’ tfal ta’ ‘l fuq minn 12-il sena). Filwaqt li persuni li kienu pożittivi għall-COVID-19 fl-aħħar 6 ġimgħat se tingħatalhom eżenzjoni ta’ 6 ġimgħat sabiex jieħdu l-booster. Dawn għandhom juru r-riżultat ta’ swab pożittiv li jkun sar fl-aħħar 6 ġimgħat sabiex jidħlu fl-istabbilimenti msemmija.

Sabiex il-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-booster għall-adulti jibqa’ għaddej b’ rittmu mexxej, id-Deputat Prim Minsitru ħabbar ukoll li min-nhar it-Tnejn iċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni tal-MCAST f’ Paola, tal-AFM barracks f’Ħal-Luqa, tal-berġa ta’ tas-Sliema, tal-Mellieħa, tan-Naxxar, ta’ Santa Venera, ta’ Kerċem Għawdex u kif ukoll iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid se jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-9am u 4pm għal persuni li jixtiequ jieħdu l-vaċċin mingħajr appuntament. Dan filwaqt li se jkunu organizzati sessjonijiet ta’ mobile clinics, li l-iskeda tagħhom se tkun reklamata fuq il-mezzi soċjali.

Is-sit vaccin.gov.mt jista’ jibqa’ jintuża minn persuni li jixtiequ jagħmlu appuntament għat-tilqima fiċ-ċentru ta’ tilqim tal-Università ta’ Malta, li se jilqa’ wkoll persuni li jixtiequ jirċievu l-ewwel jew it-tieni doża tal-vaċċin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com