Ara Min Huma L-Ħames Investituri Fuq ‘Shark Tank Malta’ Li Ser Jibda F’April Li Ġej

 Ara Min Huma L-Ħames Investituri Fuq ‘Shark Tank Malta’ Li Ser Jibda F’April Li Ġej

Shark Tank Malta mistenni jkun ir-reality show ġdid bi stennija kbira, hekk kif issa ġie mħabbar il-grupp ta’ persuni, imsejħin Sharks li ser ikunu qed jevalwaw kull idea li ser tkun sottomessa bil-possibilità li xi Shark jikkonvinċi ruħu li jinvesti b’mod finanzjarju f’negozju ġdid li ser ikun preżentat lilhom.

Dan ir-reality show kiseb suċċess kbir madwar id-dinja fejn ir-rata ta’ suċċess għan-negozji magħżula hija waħda għolja ħafna. Dan il-programm televiżiv jiġi mxandar madwar 45 pajjiż ieħor, b’diversi opportunitajiet lil start-ups biex jkollhom iċ-ċans li minn ħolma tinbidel għal storja ta’ suċċess fin-negozju.

Il-5 Sharks issa huma magħrufa fejn l-ewwel Shark li ġie mħabbar kien Michael Bonello. Huwa il-fundatur u CEO ta’ Alliance Real Estate Group, intraprendituri u investitur. Michael qed ifittex nies li huma determinati u għatxana għas-suċċess.

Christabelle Camilleri hija t-tieni Shark li ser tkun qed tagħrbel l-idejat. Hija twieldet fin-negozju fejn ħadmet fin-negozju tal-familja stess li trasformat għal kumpanija stabbilita li llum tispeċjalizza fis-settur tal-bini, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ospitalità. Christabelle hija entużjasta li taqsam il-viżjoni u l-entużjażmu tagħha sabiex tinvesti f’nies li jaqsmu l-istess ħsibijiet.

It-tielet Shark li ġie żvelat huwa ħadd ħlief Mark Bajada, viżjonarju fil-qasam tal-enerġija nadifa u sostenibbli. Mark għandu fuq 30 sena ta’ esperjenza f’dan il-qasam u qed jistenna li jara start-ups f’dan is-settur li jiġu waqt dan il-programm biex juru l-idejat tagħhom. Mark Bajada lest jinvesti f’negozji ġodda li għandhom viżjoni għal dinja aktar nadifa u b’ambjent aħjar.

Alexander Fenech huwa r-raba’ Shark li ser ikun qed jevalwa l-ideat ġodda waqt dan ir-reality show. Fenech huwa l-fundatur tal-akbar katina ta’ spiżeriji f’Malta, Brown’s Pharma. Alexander qed ifittex ideat ġodda u ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri li jista’ jgħin jekk kemm-il darba jsib dik il-persuna b’viżjoni ċara u b’ideat li tista’ tibni fuqhom.

L-aħħar Shark li kien żvelat propju nhar is-Sibt li għadda huwa Mark Weingard, fundatur ta’ Iniala Group, magħmula minn ristoranti u lukandi lussużi kif ukoll proġetti prestiġjużi ta’ propjetà residenzjali u kummerċjali. Mark Weingard  huwa filantropista u qed ifittex negozji ġodda li lesti jikbru b’suċċess u jagħtu lura lis-soċjetà kif għamel hu fil-karriera tiegħu.

Shark Tank Malta se jkun preżentat minn Keith Demicoli u se jkun qed jibda jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fuq TVM minn April li ġej.

Dan il-programm se jittella’ minn Greatt Company Limited, b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise.

Dawk li għandhom idea ta’ negozju jistgħu japplikaw biex jieħdu sehem fuq www.sharktank.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com