Bernard Grech Jiltaqa’ Ma’ Rappreżentanti Tal-Ħaddiema Tal-Air Malta
“Irridu naraw kif se nimxu ‘l quddiem. Ejjew naħdmu flimkien biex ma nitilfux l-Air Malta. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-impenn politiku li ma nitilfux il-linja nazzjonali tal-ajru għaliex fl-aħħar mill-aħħar se jbati l-pajjiż, il-ħaddiema u l-ekonomija tagħna.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Air Malta, ftit jiem biss wara li semgħu bl-aħbar li l-Gvern Laburista se jkeċċi nofs il-ħaddiema.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni ħasset li għandha tiltaqa’ mal-unions anke għaliex huma xtaqu li jkun hemm partit li jismagħhom sewwa u jifhem x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom biex naraw kif verament l-Air Malta ssalva.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li “Għandna obbligu li nisimgħu, nagħtu każ u naraw x’inhuma d-diffikultajiet biex insibu is-soluzzjonijiet biex nimxu ‘lquddiem.”
Waqt il-laqgħa, Bernard Grech fakkar li Gvern Nazzjonalista kellu pjan għall-Air Malta, pjan li beda jaħdem imma Gvern laburista abbandunah. “Dak ifisser li aħna rridu nħarrsu lejn dak il-pjan u naraw bir-realtajiet tal-lum kif nistgħu tassew inkunu alternattiva biex anke f’din is-sitwazzjoni nserrħu ras il-ħaddiema u l-familji tal-Air Malta li hemm futur għalihom għaliex dan il-pajjiż għandu bżonn l-Air Malta u għandu bżonn il-ħaddiema.”
Meta kien qed jindirizza lill-Unions Bernard Grech saħaq li din hi sitwazzjoni li trid tissolva mill-aktar fis possbbili “għaliex għandna l-obbligu li mhux biss naraw ix-xogħol imma l-imħabba li dawn il-ħaddiema kellhom lejn ix-xogħol tagħhom”.
Bernard Grech stqarr bl-aktar mod ċar li “ma nistgħux nitilfu l-Air Malta għaliex hija bandiera importanti għal pajjiżna u indispensabbli fuq diversi livelli tal-ekonomija tagħna.”
Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-Partit Nazzjonalista kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo, il-Kelliem għall-Finanzi Mario De Marco, il-Kelliem għat-Tiġdid Politiku, Riċerka u Innovazzjoni Claudio Grech u l-kandidati Ivan Castillo u John Baptist Camilleri.