Bil-Filmat: Muscat Jitlob Investigazzjoni Dwar Kif Qed Toħroġ Ċertu Informazzjoni Mill-Inkjesta

 Bil-Filmat: Muscat Jitlob Investigazzjoni Dwar Kif Qed Toħroġ Ċertu Informazzjoni Mill-Inkjesta

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat illum reġa’ tkellem permezz ta’ filmat fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Huwa qal li għandha ssir inkjesta għaliha biss dwar kif ċerti nies fosthom id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina kienu jafu qabel dwar l-andament tal-inkjesta li qed issir b’rabta mal-kuntratt tal-Vitals.

Joseph Muscat qal li Aquilina stess permezz ta’ post fuq il-mezzi soċjali tiegħu ammetta pubblikament li kien jaf b’dak li kien ħa jiġri meta saret it-tfittxija mill-Pulizija f’dar Muscat.

Muscat qal li dan kollu qed inaqqas mill-fiduċja tiegħu u “ta’ eluf kbar oħrajn, f’din l-inkjesta.”

L-ex Prim Ministru qal li mhux jistenna trattament aħjar minn ħaddieħor għax hu min hu, iżda enfasizza li għandu jintuża l-istess kejl bħal kulħadd fil-konfront tiegħu.

“Mela jiena ma għandix dritt naħdem?” saħaq Muscat, filwaqt li qal li x-xogħol li għamel u li għalih skattat din l-inkjesta kien iddikjarat, huwa tħallas b’mod ġust u għal dan “ħallast it-taxxa.”

Joseph Muscat tkellem ukoll dwar kif Maria Efimova, fejn qal li din qed tiġi trattata “b’ingwanti tal-ħarir.” Huwa tenna li kulħadd jaf li tinsab il-Greċja, “tant li talbet biex tixhed remotament, imma fl-istess ħin il-pulizija qatgħu qalbhom li ser isibuha,” qal l-eks Prim Ministru.

Huwa kkonkluda jgħid li hu se jkompli jaħdem bil-kwiet, “però mhu se nħalli lil ħadd jivvendika ruħu jew jużani biex ikisser lill-Moviment Laburista, il-Moviment li għadu b’saħħtu u li se jibqa’ b’saħħtu u se jibqa’ miexi ‘l quddiem.”

Ara l-filmat:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com