“B’Umiltà Nħossni Onorata B’Din Il-Fiduċja Li Urejtuni” – Roberta Metsola Eletta President Tal-Parlament Ewropew
Roberta Metsola għadha kemm ġiet eletta fil-kariga prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew.
Metsola, ġiet eletta b’appoġġ qawwi mal-ewwel count b’458 vot minn 690.
Roberta Metsola hija l-ewwel President mara tal-Parlament Ewropew eletta sa mill-1999, kif ukoll l-iżgħar waħda fl-istorja tal-Parlament Ewropew.
Metsola se tkun qed tokkupa l-għola kariga fl-istorja ta’ pajjiżna li politiku Malti qatt okkupa.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista feraħ u awgura lil Roberta Metsola li għadha kemm ġiet eletta f’din il-kariga. Il-PN qal li huwa konvint li se tressaq aktar l-Unjoni Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini Ewropej.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni qal li Roberta Metsola hi xempju tal-istandards politiċi li jħaddan dan il-partit u konvint li se tkun qed tħares l-interessi tal-poplu Ewropew bħal ma dejjem ħarset l-interessi tal-poplu Malti.
“Illum int x’għelt il-qlub ta’ eluf ta’ tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex ikomplu jemmnu fihom infushom. Urejt li meta tistinka tista’ tasal. Li anke jekk ġejja min gżira żgħira, tista’ tgħolli rasek, taħdem u timxi ‘l quddiem. Tajt tama ġdida li meta tiġġieled għas-sewwa tista’ toħroġ rebbieħ,” kiteb il-Kap tal-PN Bernard Grech fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Il-Partit Laburista wkoll awgura lil Roberta Metsola għall-ħatra ta’ President tal-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija l-Partit Laburista jawgura ħidma pożittiva kemm fl-interess tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-interess ta’ Malta.
Congratulations @RobertaMetsola. I look forward to working together on mutual priorities. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) January 18, 2022