“Bżonn Ta’ Edukazzjoni Ta’ Kwalità Għal Uliedna U Tul Il-Ħajja” – Il-PN
Fil-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni l-Partit Nazzjonalista sellem lill-edukaturi u l-istudenti kollha filwaqt li kompla jisħaq dwar l-importanza ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għal uliedna u tul il-ħajja.
Il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni u Sport, Clyde Puli qal dan fi stqarrija fejn saħaq li pajjiżna jeħtieġ tassew jittrasforma l-edukazzjoni li qiegħed joffri biex jiżviluppa l-potenzjal ta’ kull tifel u tifla.
“Sfortunatament in-nuqqas ta’ governanza tajba fis-settur edukattiv fl-aħħar snin wasslet biex l-edukaturi tagħna ġew kemm-il darba demotivati u ddisrispettati filwaqt li s-sistema edukattiva tagħna qed tfalli f’diversi kejl internazzjonali. Pajjiżna qiegħed mal-aħħar pajjiżi ewropej fil-kejl tal-early school leavers u ma jaqbiżx in-nofs fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza,” sostna Clyde Puli.
Huwa qal li l-PN diġà ressaq diversi proposti għal titjib fis-settur edukattiv fosthom ta’ strateġija nazzjonali li fost oħrajn tagħmel emfasi fuq is-snin bikrin tal-edukazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-iżvilupp ħolistiku tal-persuna.
Ritratt: The Harvard Gazette