Dun David Muscat Se Jkun Qed Jitressaq Il-Qorti Akkużat B’Kliem Ta’ Mibegħda
Dun David Muscat li fl-aħħar jiem għadda kummenti ta’ mibegħda fil-konfront ta’ persuni gay, ħa jkun qed jitressaq il-Qorti lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar b’akkużi li instiga l-mibegħda bi kliemu.
Dan il-qassis, li din ma’ kienetx l-ewwel darba tiegħu li tkellem b’dan il-mod fuq persuni gays u suġġetti kontroversjali oħra fuq il-mezzi soċjali, fl-aħħar waħda tiegħu qal illi li tkun persuna gay hija agħar milli tkun imxajtan.
Dan il-kumment kitbu fid-dawl tal-persuna li allegatament qatlet lil Paulina Dembska fit-2 ta’ Jannar li għadda. Dun David Muscat jirreferi għal ritratt ta’ Abner Aquilina liebes flokk bi trianglu u l-kuluri tal-qawsalla fih fejn għamel il-konnessjoni tal-bandiera li tintuża mill-komunità LGBTIQ. Fuq il-mezzi soċjali huwa kiteb li “l-gayyaġni” huwa agħar milli li persuna tkun imxajtna.
Il-kummenti ta’ Dun David Muscat ġabu l-kundanna ta’ bosta fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna li ħareġ twissija formali lis-saċerdot fejn tah struzzjonijiet biex fil-fora pubbliċi ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.
Dun David Muscat mhux l-ewwel darba li deher f’filmati waqt attivitajiet tal-Partit ta’ Normann Lowell, Imperium Ewropa.