Dwar l-Abort Metsola Ser Iżżomm Mal-Pożizzjoni Tal-Parlament Ewropew
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fl-ewwel indirizz tagħha waqt konferenza tal-aħbarijiet għamlet introduzzjoni qasira ħafna fejn wara għaddiet mal-ewwel għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li kienu preżenti. Is-suġġetti mistoqsija dwarhom kienu l-immigrazzjoni, ir-rule of law, l-konflitt bejn l-Ukraina u r-Russja kif ukoll l-abort fost oħrajn.
Dwar l-abort Roberta Metsola saħqet li hi ser tkun qed iżżomm mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew inkluż ukoll li tippromwovi l-pożizzjoni tal-istess Parlament.
Meta mistoqsija mill-ġurnalisti kif ser tkun qed ixxerred din il-pożizzjoni f’Malta, hi qalet li ser tkun qed timxi bl-istess mod li għamlet fl-aħħar xhur bħala Viċi-President, jiġifieri li timbotta favur il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropej bħal m’għamlet fi kwistjonijiet riċenti li qamu dwar dan is-suġġett fil-Polonja.
F’Ġunju li għadda l-Parlament Ewropew ivvota favur l-abort bħala dritt uman bi 387 vot favur, 255 vot kontra u 42 astensjoni. Il-vot ta’ Metsola kien wieħed minn dawk kontra dan il-vot li ittieħed f’Ġunju li għadda.
Dan il-vot m’għandux id-dritt li l-Unjoni Ewropeja timponi fuq il-membri stati bħal Malta li sa’ illum l-Gvern Malti għandu pożizzjoni ċara kontra l-abort.
Mistoqsija dwar il-kummenti u akkużi li kienu saru fil-konfront tagħha bħala Membru Parlamentari Ewropew u li kienu ġejjin mill-kamp tal-Gvern Malti, Roberta Metsola qalet li l-bieraħ kellha laqgħa pożittiva ħafna mal-Prim Ministru Robert Abela. Metsola saħqet li hi persuna li tħares ‘il quddiem u mhux lura, u għalhekk il-kritika tal-passat se tpoġġiha warajha.