Estiża L-Iskema Biex Tixtri Propjetà Bi Sħab Mal-Gvern Għal Dawk Minn 30 Sena ‘L Fuq

 Estiża L-Iskema Biex Tixtri Propjetà Bi Sħab Mal-Gvern Għal Dawk Minn 30 Sena ‘L Fuq

Il-Gvern se jkun qed jestendi l-iskema tal-Equity Sharing għal individwi u koppji li għandhom minn 30 sena ‘l fuq u qed isibuha diffiċli biex jieħdu self mill-bank u jixtru d-dar tagħhom.

Din l-iskema s’issa kienet eliġibbli biss għal persuni ta’ 40 sena jew aktar.

​Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay u mill-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija tal-Bank APS Liana Debattista, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbret din l-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’, hekk kif kien imħabbar fid-diskors tal-Budget 2022.

L-estensjoni għall-iskema ‘Equity Sharing’, li ilha attiva mis-sena 2019, se tkompli tkabbar fuq is-suċċess li diġà kisbet din l-inizjattiva, li sa issa wittiet it-triq biex mijiet ta’ persuni jsiru sidien ta’ djarhom fi sħubija mal-Gvern.

L-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’ se tgħin individwi u koppji ta’ età iżgħar biex jaċċessaw is-suq tal-proprjetà billi tippermettilhom li jakkwistaw proprjetà fi sħab mal-Gvern. Dan billi l-benefiċjarji jiksbu self mill-bank sabiex ikopru s-sehem li jifilħu mill-proprjetà skont id-dħul u l-assi tagħhom, filwaqt li l-Awtorità tad-Djar tkopri l-parti l-oħra sa massimu ta’ nofs il-valur tal-proprjetà.

Il-valur massimu tal-proprjetà li tista’ tinxtara permezz ta’ din l-iskema se jibqa’ ta’ €200,000 u l-benefiċjarji jkunu mistennija li jkopru d-depożitu ta’ 10% li jitħallas mal-iffirmar tal-konvenju.

Koppji u individwi li għandhom bejn it-30 u l-34 sena se jkunu eliġibbli għall-iskema, kif estiża, jekk id-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-€25,000, filwaqt li dawk bejn il-35 u d-39 sena jistgħu japplikaw jekk għandhom dħul massimu ta’ mhux aktar minn €30,000. Sussegwentement, is-sehem tal-Gvern jinxtara lura mingħand il-benefiċjarju/i tal-iskema, fi żmien 20 sena.

Il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-inizjattiva bħala għodda importanti fil-qafas tal-housing affordabbli li qed tgħin lill-familji Maltin jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Ritratti: DOI

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.