Fl-Ingilterra Omm Ta’ 37 Sena Rnexxielha Tqum Minn Koma Wara Li Ħadet Il-Viagra
Fl-Ingilterra, infermiera li spiċċat f’koma għal 28 jum minħabba Covid-19 allegatament ġiet salvata milli tmut wara li ħadet il-pilloli tal-Viagra.
Monica Almeida, l-omm ta’ 37 sena minn Lincolnshire u li ssofri mill-ażma nstabet pożittiva għall-Covid-19 wara li kienet imlaqqma b’żewġ dożi tal-vaċċin. Hija għamlet aktar minn xahar tiġġieled għal ħajjitha fl-Isptar ta’ Lincoln. Monica Almeida ddaħħlet l-isptar fid-9 ta’ Novembru u ġimgħa wara ddaħħlet fil-kura intensiva peress li kienet waqgħet f’koma.
Ftit ġimgħat wara li waqgħet f’koma ngħatat il-Viagra, li kienet tat il-kunsens hija stess qabel ma daħlet f’koma peress li dan kien għadu trattament esperimentali għal fuq nies li għandhom l-ażma. Monica Almeida qamet 72 siegħa qabel ma t-tobba kienu qed jippjanaw li jitfu l-ventilatur.
Aktar tard kien spjegat li din il-mediċina rnexxielha ssalva lil din il-mara billi żiedet iċ-ċirkulazzjoni tad-demm, għenet ukoll biex ittaffi l-kundizzjoni tagħha f’ġimgħa biss billi tirrilassa l-vini tad-demm tagħha, u dan wassal biex il-passaġġi tal-arja tagħha jinfetħu u l-livelli tal-ossiġenu tagħha jitjieb.