Fond Ta’ €125,000 Għal Proġetti Ta’ Riċerka Fil-Qasam Tal-Intelliġenza Artifiċjali
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri nieda fond ta’ €125,000 għal riċerka dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-Ministru Schembri waqt konferenza qal li “permezz ta’ dan il-fond qed inħeġġu lil kull min hu interessat f’dan is-settur sabiex jersaq ‘il quddiem bi proġetti ta’ riċerka li permezz tagħhom ikun qed japplika l-Intelliġenza Artifiċjali u joħloq sistemi ġodda li jistgħu jintużaw mill-pubbliku u mill-privat, u li se jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-interazzjoni taċ-ċittadini.”
Il-massimu li wieħed jista’ jibbenefika hija somma ta’ €25,000.
Ġie spjegat kif din l-inizjattiva timxi pari passu mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali għaliex tolqot diversi għanijiet tagħha kif ukoll numru ta’ azzjonijiet li huma stabbiliti fiha.
Il-Ministru Schembri spjega wkoll li se tingħata prijorità lil dawk il-proposti jew proġetti li fil-kunċett u n-natura tagħhom javvanzaw il-progress ta’ proġetti li huma msemmija fl-istess strateġija, inklużi s-sitt proġetti pilota li jvarjaw minn edukazzjoni għal servizz lill-konsumatur.
Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, Joshua Ellul qal li “l-Awtorità hija impenjata sabiex iżżomm lil Malta fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam mar-regolamenti tal-Intelliġenza Artifiċjali, u b’hekk tipproteġi l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur skont id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tassigura li l-Intelliġenza Artifiċjali ma tkunx maħnuqa bir-regolamenti. Sabiex Malta tkabbar ir-riżultati ta’ riċerka fuq din it-teknoloġija, l-MDIA qed tniedi wkoll skema ffukata fuq ir-riċerka applikata tal-Intelliġenza Artifiċjali.”