F’Rapport Instab Li L-Papa Emeritu Benedittu XVI Ma Ħax Azzjoni Dwar Abbużi Sesswali

 F’Rapport Instab Li L-Papa Emeritu Benedittu XVI Ma Ħax Azzjoni Dwar Abbużi Sesswali

F’rapport dwar każijiet ta’ abbużi sesswali fid-djoċesi ta’ Munich, fil-Ġermanja instab li l-Papa Emeritu Benedittu XVI, dak iż-żmien Arċisqof ta’ Munich ma ħax azzjoni biex iwaqqaf u jinvestiga dawn l-abbużi.

Dan ir-rapport kien ikkummissjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Munich sabiex janalizza każijiet ta’ abbużi sesswali bejn l-1945 u l-2019, u jekk uffiċjali tal-Knisja ħadux azzjoni dwar dan.

Huwa hawn li jissemma’ l-Papa Emeritu Benedittu XVI, lura meta kien Arċisqof ta’ Munich bejn l-1977 u l-1982, għalkemm il-Papa Ratzinger dejjem ċaħad li kien jaf b’xi każ ta’ abbuż.

Fiż-żmien li kien Arċisqof, fid-djoċesi tiegħu kien ġie trasferit is-saċerdot Peter Hullermann, wara li dan kien akkużat li abbuża sesswalment tifel ta’ 11-il sena. F’Munich huwa kien tħalla jqaddes xorta waħda.

Aktar tard, f’1986, Hullermann kien instab ħati li abbuża sesswalment minn aktar tfal u kien ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża.

Rigward dan kollu l-Papa Emeritu Benedittu XVI dejjem ċaħad li kien jaf dwar is-saċerdot Peter Hullermann.

Fir-rapport ħareġ li ma’ kienx ħa azzjoni dwar erba’ każijiet ta’ abbużi sesswali fuq tfal fiż-żmien li kien Arċisqof.

Diversi sejħiet qed isiru biex il-Papa Emeritu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara fi żmienu.

Huwa kien irriżenja minn Papa fl-2013.

Ritratt: Euronews

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com