Ftehim Bejn L-MCAST U L-ERA Se Jwassal Għal Aktar Kollaborazzjoni Favur L-Ambjent

 Ftehim Bejn L-MCAST U L-ERA Se Jwassal Għal Aktar Kollaborazzjoni Favur L-Ambjent

Ftehim iffirmat bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) se jwassal biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn din l-entità u l-istituzzjoni edukattiva favur l-ambjent b’mod ġenerali.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA l-Perit Michelle Piccinino. L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

“L-istituzzjonijiet edukattivi tagħna qed ikomplu jmorru lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, dik li jwasslu edukazzjoni tal-aqwa kwalità lill-istudenti, u qed jaħdmu id f’id mal-entitajiet tal-pajjiż biex insaħħu diversi setturi, f’dan il-każ, l-ambjent. Dan huwa ftehim importanti għaliex se jwassal għal kollaborazzjoni li mhux biss issaħħaħ l-iżvilupp tal-MCAST u l-ERA, imma wkoll se tikkontribwixxi għal ħidma f’wieħed mis-setturi li l-gvern qed jagħtih ħafna importanza, l-ambjent”, stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MCAST u l-ERA se jaħdmu flimkien permezz ta’ stħarriġ, studji, audits u wkoll promozzjoni ta’ riċerka marbutin mal-ambjent u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna. Il-ftehim se jwassal ukoll biex informazzjoni u wkoll linji ta’ gwida dwar l-ambjent u r-riżorsi naturali titwassal lill-pubbliku b’mod ġenerali kemm bħala għarfien u wkoll biex il-pubbliku jkun dejjem aktar edukat dwar dan is-settur tant importanti għall-pajjiż.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li, “L-ambjent illum qiegħed fuq nett tal-aġenda tal-gvern u ta’ ħafna nies f’dan il-pajjiż. L-iktar ħaġa importanti għalina hija li mhux biss nilħqu l-ambizzjonijiet tal-poplu tagħna, iżda li nassiguraw li l-azzjoni tagħna tkun dejjiema u li tassigura l-involviment ta’ ħafna nies, b’mod speċjali taż-żgħażagħ.  L-involviment taż-żgħażagħ joffri l-akbar tama biex nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna, b’mod speċjali fil-qasam ambjentali. Biex politika tkun tassew sostenibbli u tħares ‘il quddiem trid toffri edukazzjoni fuq is-suġġett, iżda trid tkun segwita b’azzjoni konkreta.”

Permezz tal-ftehim se jkun hemm koordinazzjoni bejn l-MCAST u l-ERA biex ikun massimizzat il-potenzjal li dawn għandhom, fost oħrajn f’dawk li huma riżorsi, riċerka, għarfien u esperjenza fl-ambjnet u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino qalet li, “Dan il-ftehim huwa opportunità biex flimkien, insawru valuri ambjentali mhux biss fl-istudenti u ż-żagħżagħ tagħna, imma anka fl-industrja. Opportunità biex l-istudenti nfushom ikunu jistgħu jikbru fl-esperjenza ambjentali tagħhom bi proġetti tanġibbli li eventwalment jibdew jiġu implimentati fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum fid-dinja tax-xogħol. Dan il-ftehim huwa pass ieħor għall-ERA fid-direzzjoni tal-viżjoni ambjentali li għażlu in-nies stess – l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent – Wellbeing First”.

Min-naħa tiegħu l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, qal li, “L-MCAST qed jaħdem mal-istudenti biex inrawmu ħiliet u valuri fl-istudenti tagħna għal kuxjenza ambjentali aħjar u l-immaniġġjar tar-riżorsi. Aħna impenjati li niffukaw fuq l-iżvilupp sostenibbli u nippreparaw l-istudenti għad-dinja tax-xogħol fejn jitlaħqu l-għanijiet ambjentali. B’dan il-ftehim, se nkomplu nsaħħu t-taħriġ u r-riċerka dwar l-ambjent tal-baħar, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma, il-bijodiversità, u oqsma ambjentali oħra”.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com