Għajnuna Finanzjarja Lil NGOs Soċjali – Din Is-Sena L-Allokazzjoni Totali Hi Ta’ €12-il Miljun

 Għajnuna Finanzjarja Lil NGOs Soċjali – Din Is-Sena L-Allokazzjoni Totali Hi Ta’ €12-il Miljun

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim soċjali ma’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem biex tkun tista’ tkompli topera Dar Leopoldo. Din ir-residenza tilqa’ rġiel li għal raġunijiet diversi jkunu bla saqaf fuq rashom u għalihom mhux biss isservi ta’ xelter u ta’ post fejn jieklu kuljum, iżda tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon fejn qal li permezz ta’ allokazzjoni finanzjarja ta’ €12-il miljun, il-Gvern se jkun qed jgħin 25 NGO separata. “Din hi l-akbar allokazzjoni finanzjarja ta’ kull żmien għal dawn il-ftehimiet soċjali,” tenna l-Ministru Falzon.

Il-ftehim ma’ Dar Leopoldo jassigura s-servizz ta’ 18-il sodda f’din ir-residenza ta’ semi-independent living, b’finanzjament li jlaħħaq €650,430 fuq medda tat-3 snin li ġejjin.

“L-għan aħħari ta’ dan kollu hu li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja filwaqt li nżommu ‘l bogħod kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali. Minkejja dan kollu, xorta jibqgħu jeżistu sitwazzjonijiet li jeħtieġu għajnuna speċifika lil dawk li bl-ebda mod ma jkun irnexxielhom jibbenefikaw b’xi mod jew ieħor. Hawnhekk jidħol is-sehem tal-gvern li joħroġ idu u jagħti s-sapport neċessarju u dak kollu meħtieġ lil fondazzjonijiet bħal dawn”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com