Ħaddiem Malti Ta’ 40 Sena Tilef Ħajtu Wara Li Nqaleb B’Makkinarju f’Sit Ta’ Kostruzzjoni F’Ta’ Qali

Ħaddiem ta’ 40 sena minn Ħal Għargħur, sfortunatament tilef ħajtu f’inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija f’Ta’ Qali.
Kienu għall-ħabta tas-6:30pm xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fis-sit fejn qiegħed isir il-proġett tal-Park Nazzjonali Ta’ Qali.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li nqeleb makkinarju li fuqu kien hemm żewġ ħaddiema, b’wieħed minnhom waqa’ madwar sular f’xaft dejjaq.
Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassistu imma minkejja l-isforzi tat-tim mediku, ir-raġel ta’ 40 sena ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-ħaddiem l-ieħor, raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u l-ġrieħi tiegħu għadhom pendenti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.