Id-Deputat Laburista Jonathan Attard Jinħatar Viċi President Tal-Assemblea Parlamentari Tal-Kunsill Tal-Ewropa
Fil-ftuħ tas-Sessjoni tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa eleġġiet President u l-Viċi Presidenti tagħha.
Fost il-Viċi Presidenti maħtura hemm il-Membru Parlamentari Jonathan Attard, li huwa wkoll il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija.
Id-Deputat Laburista saħaq li kien onorat li wara biss ftit xhur li kien approvat bħala Membru u Kap tad-Delegazzjoni Maltija, kien fdat b’dan ir-rwol importanti fi ħdan l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
“Bħal dejjem inwiegħed l-impenn massimu tiegħi f’kull rwol li nkun fdat bih u nħares ‘il quddiem biex inkompli nkun ta’ vuċi b’saħħitha għal pajjiżna.”
L-Assemblea Parlamentari tikkonsisti fi 324 membru tal-Parlament mis-47 stat membru.
Fost il-funzjonijet tal-Assemblea hemm dawk li tagħżel is-Segretarju Ġenerali, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-imħallfin għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-Assemblea tistabbilixxi l-aġenda tagħha stess li tkopri avvenimenti Ewropej u internazzjonali, kwestjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-ħarsien tal-minoranzi u s-Saltna tad-dritt.