“Id-Dikjarazzjoni Tal-Pulizija Dwar Il-Każ Ta’ Paulina Dembska Tqajjem Mistoqsijiet Serji” – Il-Fakultà Għat-Tisħiħ Tas-Soċjetà

 “Id-Dikjarazzjoni Tal-Pulizija Dwar Il-Każ Ta’ Paulina Dembska Tqajjem Mistoqsijiet Serji” – Il-Fakultà Għat-Tisħiħ Tas-Soċjetà

Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà hija mħassba dwar id-dikjarazzjoni maħruġa mill-Pulizija lbieraħ waqt il-konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska, fejn intqal li dan il-każ mhux marbut mas-sess tagħha.

Fi stqarrija l-Fakultà qalet li taqbel mal-opinjoni espressa minn diversi NGOs u gruppi ta’ attivisti, fosthom ‘Women’s Lobby’, ‘Women’s Rights Foundation’ u l-‘Moviment Graffiti’ fost oħrajn, li l-qtil brutali ta’ Paulina kien femminiċidju, li kien jinvolvi aggressjoni sesswali mmirata lejn mara minħabba s-sess tagħha.

Il-Fakultà qalet li filwaqt li tirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija li għażel li jżomm lill-pubbliku infurmat, id-dikjarazzjoni f’dan ir-rigward tqajjem mistoqsijiet serji dwar kif każ ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess tal-vittma qed jiġi interpretat b’mod differenti fuq bażi legali u ġudizzjarja.

Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà temmet tgħid li dan il-każ qajjem ħtieġa għal aktar riforma f’dan il-qasam. Il-Fakultà appellat ukoll lill-awtoritajiet biex jieħdu inkonsiderazzjoni tal-motiv biex twettaq dan ir-reat makabru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com